Il-Pulizija għaddejja bi tfittxija intensiva sabiex issib Taljan li allegatament huwa l-aggressur f’attentat ta’ qtil f’Baħar iċ-Ċagħaq is-Sibt filgħaxija.
Sorsi li tkellmu ma’ Times of Malta, spjegaw li Salvatore di Prima, li għandu 49 sena u li huwa Taljan, ħa liż-żewġt itfal tiegħu viċin il-White Rocks fejn wettaq att vjolenti. Iżda skont dawn is-sorsi, it-tifla tiegħu rnexxielha taħrab u talbet għall-għajnuna.
Fil-fatt kienu għall-ħabta tal-10pm, il-Pulizija intalbet tassisti f’Baħar iċ-Ċagħaq wara li daħal rapport ta’ tentattiv ta’ omiċidju. Fejn il-Pulizija sabu tifel li sofra minn ġrieħi gravi, u ħadu lilu u anke lil oħtu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Minnufih bdiet investigazzjoni u bħalissa l-Pulizija għaddejja bi tfittxijiet intensivi sabiex jinstab l-allegat aggressur.
Net News jinsab infurmat li eżatt wara li daħlitilhom din l-informazzjoni, bdiet tfittxija intensiva mill-Pulizija anke fuq il-baħar. Bl-involviment ukoll tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-Protezzjoni Ċivili.
It-tfittxija estendiet saz-zona tal-White Rocks u lil hinn.
Intant, kull min għandu xi informazzjoni dwar din il-persuna huwa mitlub jgħaddiha lill-Pulizija, anke b’mod anonimu, fuq in-numri tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 21 224001 / 119 jew fl-eqreb Għassa tal-Pulizija.
F’dan l-istadju mhux se tingħata aktar informazzjoni minħabba s-sensittività tal-investigazzjonijiet.
//= $special ?>

