Lokali

Taljan imfittex fuq każ ta’ attentat ta’ qtil li seħħ ilbieraħ f’Baħar iċ-Ċagħaq

Fil-ġurnata tas-sibt, għall-ħabta tal-10pm, il-Pulizija intalbet tassisti f’Baħar iċ-Ċagħaq wara li daħal rapport ta’ tentattiv ta’ omiċidju.

Minnufih bdiet investigazzjoni u bħalissa l-Pulizija għaddejja bi tfittxijiet intensivi sabiex jinstab l-allegat aggressur, Salvatore Di Prima ta’ 49 sena u ta’ nazzjonalità Taljana.

Net News jinsab infurmat li eżatt wara li daħlitilhom din l-informazzjoni, bdiet tfittxija intensiva mill-Pulizija anke fuq il-baħar.

It-tfittxija estendiet saz-zona tal-White Rocks u lil hinn.

Intant, kull min għandu xi informazzjoni dwar din il-persuna huwa mitlub jgħaddiha lill-Pulizija, anke b’mod anonimu, fuq in-numri tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 21 224001 / 119 jew fl-eqreb Għassa tal-Pulizija.

F’dan l-istadju mhux se tingħata aktar informazzjoni minħabba s-sensittività tal-investigazzjonijiet.