Fortunatament irriżulta fin-negattiv ir-rapport dwar splussiv li tfaċċa quddiem bieb ta’ residenza f’Ħal Luqa l-Ħadd filgħaxija – meta fil-fatt, ma kien hemm ebda splissiv.
Kollox beda għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija meta l-awtoritajiet kienu nfurmati li fi Triq il-Ġdida viċin Triq il-Belt Valletta kien hemm oġġett suspettuż.
Minnufih waslu fil-post uffiċjali mill-Explosives Ordnance Disposal proprju fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta fejn sabu oġġett suspettuż quddiem għatba ta’ dar privata.
Wara operazzjoni sensittiva fejn saħansitra intuża robot tal-armata, kien żgurat li ma kien hemm l-ebda periklu kemm għar-residenti kif ukoll għall-ħaddiema. Fil-post kien hemm ukoll membri mill-Korp tal-Pulizija u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. B’sorsi jgħid li sid id-dar huwa anzjan, li għandu tliet itfal – u li dawn anke marru fil-post sabiex żguraw li missierhom kien sikur. <<<<



