Kummerċ Lokali

Il-BOV ifakkar Jum il-Mara

Insaħħu l-għarfien u l-edukazzjoni fuq il-post tax-xogħol

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara, il-Bank of Valletta organizza sessjoni ta’ għarfien  iffukata fuq is-sinjali tal-vjolenza domestika. Dan jenfasizza l-impenn tal-Bank li jippromwovi s-sigurtà, id-dinjità u l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol. Is‑sessjoni ffukat fuq l‑għoti ta’ għarfien u l‑kunfidenza meħtieġa biex wieħed jagħraf sinjali potenzjali ta’ twissija u jirrispondi b’mod sigur, rispettuż u jkun ta’ appoġġ.

Is-sessjoni ta’ għarfien, fis-Sala tal-Konferenzi tal-BOV Centre, tmexxiet minn Samantha Pace Gasa, Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, u kienet organizzata mis-Sotto Kumitat għall-Għarfien dwar il-Vjolenza Domestika tad-DEI (Diversità, Ekwità u Inklużjoni) tal-Bank b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni. L-għan tagħha kien li dawk fit-tmexxija jirrikonoxxu r-rwol importanti li għandhom biex jagħrfu s-sinjali ta’ twissija u jkunu ta’ spalla għall-kollegi tagħhom fi żminijiet ta’ bżonn.

Ray Debattista, Chief People and Culture Officer, ħa sehem fis-sessjoni u rrimarka l-importanza li noħolqu ambjent fejn il-kollegi jħossu li  għandhom is-sapport meħtieġ. “Post tax‑xogħol sigur mhux biss dwar is‑sigurtà fiżika. Huwa wkoll dwar li niżguraw li n‑nies jiġu ttrattati b’kura u b’dinjità. Permezz ta’ dawn is‑sessjonijiet qed insaħħu kultura fejn il‑kollegi jistgħu jfittxu l‑għajnuna b’kunfidenza u fejn l‑appoġġ jingħata b’sensittività u b’rispett,” qal Debattista.

Waqt li tkellmet dwar l‑impatt usa’ tal‑għarfien fuq il‑post tax‑xogħol, Samantha Pace Gasan saħqet fuq ir‑rwol importanti li jistgħu jkollhom l‑organizzazzjonijiet meta jagħtu s-sapport it-tajjeb lin-nies tagħhom. “Il‑vjolenza domestika mhux dejjem tibqa’ wara bibien magħluqa. Tista’ tidher f’mudelli ta’ mġiba li ħafna drabi ninnutawhom l‑ewwel fuq il‑post tax‑xogħol. Meta l‑mexxejja jifhmu liema sinjali ta’ twissija għandhom joqogħdu attenti għalihom, u kif għandhom jirrispondu b’mod adegwat, il‑postijiet tax‑xogħol jistgħu jsiru pont aktar sigur biex jingħata  l‑appoġġ,” kompliet tgħid il-Kummissarju.

Flimkien mal‑edukazzjoni interna, il‑Bank jappoġġja wkoll inizjattivi fil‑komunità ffukati li joffru s-setgħa u r‑reżiljenza lin‑nisa. Dan l‑approċċ jirrifletti t‑twemmin tal‑Bank li l‑għarfien, il‑kunfidenza finanzjarja u kulturi ta’ appoġġ fuq il‑post tax‑xogħol jorbtu waħda mal-oħra, b’mod partikolari biex in‑nisa u persuni vulnerabbli jkunu jistgħu jirnexxu kemm fuq livell professjonali kif ukoll personali.

Is-sessjoni dwar il‑vjolenza domestika timmarka wkoll l‑ewwel sessjoni mmexxija mid‑DEI fil‑Bank li ffukat b’mod speċifiku fuq l‑edukazzjoni dwar il‑vjolenza domestika. Il-pjan hu li l-Bank ikompli jibni fuq din l‑inizjattiva bil-ħsieb li jżid l‑għarfien matul il‑bqija tas‑sena.