Futbol Sport

City kontra Liverpool mal-aħħar tmienja tal-FA Cup… polza favorevoli għal Arsenal

Manchester City u Liverpool se jiltaqgħu kontra xulxin mal-aħħar tmienja tal-FA Cup wara l-poloz li ttellgħu llum filgħaxija. Dan il-konfront se jaħbat f’perjodu fejn City se jilagħbu kontra Chelsea u Arsenal barra minn darhom fil-Premier League u jekk jikkwalifikaw jilagħbu ż-żewġ partiti tal-UEFA Champions League.

Polza favorevoli għal Arsenal li telgħu kontra Southampton, tim li fil-preżent jinsab fit-tmien fiċ-Championship. Dan ifisser li l-Gunners jistgħu jaslu sas-semifinali mingħajr ma jilagħbu kontra tim tal-Premier League. Huma sa issa eliminaw lit-timijiet ta’ League 1 Mansfield u Wigan u lit-tim taċ-Championship Portsmouth fit-tielet rawnd.

Port Vale li hu l-anqas tim kwotat li għadu fil-kompetizzjoni, telgħu kontra Chelsea. Port Vale fil-preżent jinsabu tmien punti bogħod minn qiegħ il-klassifika ta’ League 1 u jinsabu f’din il-fażi tal-kompetizzjoni għall-ewwel darba mill-1954.

Dawn il-logħbiet huma skedati bejn is-Sibt 4 u l-Ħadd 5 ta’ April, is-semifinali jintlagħbu fl-aħħar ġimgħa ta’ April u l-finali hi mistennija tintlagħab is-Sibt 16 ta’ Mejju.

Poloz tal-Kwarti-Finali

Southampton v Arsenal

Chelsea v Port Vale

Man City v Liverpool

West Ham v Leeds