Lokali

Il-gradwati tal-liġi jiċċelebraw is-suċċess tagħhom

Ritratt ta' Martin Agius

Matul dawn il-jiem, mijiet ta’ studenti kienu qed jiċċelebraw il-gradwazzjoni tagħhom, wara li temmew b’suċċess il-korsijiet tal-Masters, mill-Universita’ ta’ Malta.

U din id-darba kien imiss proprju lill-istudenti li temmew il-kors tal-liġi – li lkoll iċċelebraw din il-kisba mill-isbaħ permezz ta’ buscade.

Ċelebrazzjoni li kompliet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Mal-wasla tagħhom l-avukati gradwati ntlaqgħu mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, fejn ħa r-ritratti magħhom filwaqt li huma qasmu miegħu l-esperjenzi u l-isfidi li affaċċjaw matul dan il-vjaġġ akkademiku. Fost il-gradwati kien hemm ukoll David, ħu Alex Borg, illi stqarr li hu jinsab kburi ferm bih.

Bla dubju li l-Kap tal-PN seta’ jifhem sew il-ferħ u s-sodisfazzjon li ħassew f’qalbhom dawn il-gradwati għaliex anke hu kien temm b’suċċess il-kors tal-liġi.

Net News, tkellem ma’ dawn il-gradwati li lkoll esprimew s-sentiment ta’ ferħ li qed iħossu issa li temmew dan il-kors wara numru ta’ snin jistudjaw.

Finalment, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, feraħ lil avukati għas-suċċess akkademiku tagħhom u awguralhom għall-futur mimli opportunitajiet f’din il-professjoni.