Lokali

“Irridu nkomplu nfasslu politika li tpoġġi fiċ-ċentru lill-istudent” – Alex Borg

“Il-kuntatt man-nies jibqa’ kruċjali; u huwa importanti li nkomplu nfasslu proposti li jpoġġu lill-istudenti u l-edukazzjoni fuq quddiem nett”

Hekk sostna il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, waqt żjara li għamel fl-Universita ta’ Malta, fejn żar il-librerija, l-arkivji u anke daħal fil-canteen fejn iltaqa’ ma’ diversi studenti li lkoll iddiskutew miegħu il-ħsibijiet tagħhom, l-isfidi li qed jaffaċċjaw u l-opportunitajiet li qed jaraw.

Apparti minn hekk, Alex Borg żar ukoll il-career convention li ttellgħet propju mill-Kunsill Studenti Universitarji – inizjattiva li tagħti lok lill-istudenti sabiex jiksbu għarfien minn varjetà ta’ kumpaniji dwar il-karrieri li eventwalment ikunu jistgħu jidħlu għalihom.

Hawnhekk Alex Borg iddiskuta fost l-oħrajn il-proposti li ħareġ il-Partit Nazzjonalista u li għad irid joħroġ fil-futur.

F’kummenti lil Net News, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, saħaq dwar l-importanza li hekk kif ma’ kull ġurnata li tgħaddi dejjem qed noqorbu aktar lejn l-elezzjoni, tkompli ssir il-politika man-nies permezz ta’ żjarat bħal dawn – li jkomplu jpoġġu fiċ-ċentru lill-istudenti u r-riċerkaturi.

Għal din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, kien akkumpanjat minn Sarah u mix-Shadow Ministers Eve Borg Bonello, Bernice Bonello u Justin Schembi.