Lazio rritornaw għar-rebħ wara li fi Stadio Olimpico għelbu lil Sassuolo 2-1. Il-logħba reġgħet intlagħbet quddiem ftit partitarji hekk kif kompliet il-protesta tal-partitarji Biancocelesti kontra t-tmexxija tal-President Claudio Lotito.
Lazio fetħu l-iskor wara biss żewġ minuti b’xutt bil-lemin u mill-viċin ta’ DANIEL MALDINI f’dak li hu l-ewwel gowl tiegħu mal-klabb. Sassuolo ġabu d-draw fil-35 minuta meta ARMAND LAURIENTÉ rċieva mingħand Kristian Thorstvedt u skorja b’xutt għar-rokna minn pożizzjoni ċentrali.
Il-gowlkiper ta’ Sassuolo Arijanet Muric ċaħħad lil Matteo Cancellieri fit-83 minuta iżda l-gowl tar-rebħa għat-tim ta’ Maurizio Sarri wasal proprju fit-92 minuta. Kien kross ta’ Cancellieri li sab lid-difensur ADAM MARUSIC li b’daqqa ta’ ras antiċipa l-ħarġa ħażina ta’ Arijanet Muric. B’dawn it-tliet punti, Lazio telgħu b’37 punt fl-10 post proprju punt taħt Sassuolo.
//= $special ?>

