Bħala tħejjija għall-jum ta’ grazzja u pellegrinaġġ li se jsir nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Marzu fis-6.00 p.m, il-Bażilika tal-Isla ser tkun miftuħa għat-talb u għall-pellegrini bejn illum it-Tnejn 9 ta’ Marzu u l-Ħamis 12 ta’ Marzu fis-6.45 a.m. sal-11.30 a.m. u mill-4.15 p.m. sat-8.00 p.m.
Il-Parroċċa tal-Isla avżat li l-Pellegrinaġġ Nazzjonali Djoċesan se jsir bix-Xbieha Mirakoluża ta’ Ġesù Redentur.
Dan il-pellegrinaġġ ta’ talb u devozzjoni qed jiġi organizzat fil-kuntest tal-mixja spiritwali tar-Randan u ser ikun immexxi mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles J. Scicluna. Wara l-pellegrinaġġ issir Quddiesa Solenni fil-Bażilika.
Ix-xbieha devota u mirakoluża ta’ Ġesù Redentur meqjuma ġewwa l-Isla tmur lura lejn is-sena 1742 u hija kapolavur tal-artist malti Saverio Laferla. Hija waħda mill-aktar xbiehat għeżież fil-gżejjer Maltin. Tul is-snin, eluf ta’ pellegrini żaru l-Bażilika tal-Belt Senglea biex jitolbu quddiem din ix-xbieha venerata li tfakkarna fil-misteru tal-passjoni tal-Mulej, speċjalment fil-ġranet qaddisa tar-Randan u tal-Ġimgħa Mqaddsa.
F’dan il-jum, il-ħinijiet tal-quddies fil-Bażilika tal-Belt Senglea ser ikunu fis-7 a.m., fit-8.30 a.m., fl-10 a.m., fil-5 p.m. u fis-7.00 p.m.
Il-pubbliku huma mistieden jattendi u jingħaqad f’dan il-mument ta’ talb u devozzjoni lejn Ġesù Redentur.
//= $special ?>

