L-Assemblea tal-Esperti tal-Iran ħabbret uffiċjalment li Mojtaba Khamenei, ta’ 56 sena u iben l-eks mexxej suprem Ali Khamenei, ġie maħtur bħala t-tielet mexxej suprem tal-pajjiż wara sessjoni straordinarja tal-kunsill reliġjuż.
F’dikjarazzjoni twila, l-assemblea qalet li wara studju bir-reqqa u vot deċiżiv mill-membri tagħha, Mojtaba Khamenei ġie magħżul biex imexxi s-sistema Iżlamika tar-Repubblika tal-Iran. Il-ħatra tiegħu qed titqies bħala waħda storika u kontroversjali, peress li hija l-ewwel darba li l-poter suprem fl-Iran effettivament jgħaddi minn missier għal iben.
Ftit qabel it-tħabbira, il-president tal-Istati Uniti Donald Trump kien wissa li kwalunkwe mexxej ġdid Iranjan ma jdumx fil-poter mingħajr l-approvazzjoni tiegħu, u ddeskriva lil Mojtaba bħala “lightweight” u mexxej mhux aċċettabbli.
Fl-istess ħin, Iżrael wissiet li mhux se tiddejjaq milli telimina lil kwalunkwe suċċessur jekk l-attakki Iranjani jkomplu. Mojtaba Khamenei huwa magħruf bħala figura konservattiva b’rabtiet mill-qrib mal-Islamic Revolutionary Guard Corps, li hija waħda mill-aktar istituzzjonijiet militari u politiċi qawwija fl-Iran.
Ftit sigħat wara li ġiet ikkonfermata l-ħatra tiegħu, l-Iran nieda sensiela ta’ attakki bil-missili lejn l-Iżrael u lejn pajjiżi tal-Golf, f’dak li jidher bħala risposta diretta għat-theddid mill-Istati Uniti u Iżrael. Rapporti minn diversi pajjiżi fir-reġjun indikaw li ġew attivati sistemi ta’ difiża u sireni ta’ twissija. L-Arabja Sawdita qalet li interċettat drones diretti lejn l-oqsma taż-żejt fil-lvant tal-pajjiż, filwaqt li l-Emirati Arab Magħquda u l-Kuwait irrappurtaw attakki bil-missili u l-Bahrain attivat sistemi ta’ allarm nazzjonali.
B’reazzjoni għall-attakki Iranjani, Iżrael nediet mewġa ġdida ta’ attakki mill-ajru li mmiraw infrastruttura fiċ-ċentru tal-Iran. L-eskalazzjoni militari wasslet għal tħassib globali dwar it-tixrid tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani u l-impatt fuq l-ekonomija dinjija.
Il-prezz internazzjonali taż-żejt żdied drastikament u qabeż il-100 dollaru għal kull barmil, hekk kif is-swieq finanzjarji bdew jibżgħu li l-provvista taż-żejt mill-Golf Persjan tista’ tiġi mfixkla. Is-swieq tal-ishma fl-Asja waqgħu b’mod qawwi, speċjalment f’pajjiżi dipendenti fuq importazzjoni ta’ enerġija bħall-Ġappun u l-Korea t’Isfel.
L-Istati Uniti ordnaw ukoll lil xi membri diplomatiċi tagħhom jitilqu mill-Aabja Sawdija wara rapporti li drone laqat l-ambaxxata Amerikana. F’dan il-kuntest ta’ tensjoni dejjem tikber, Trump qal li kwalunkwe deċiżjoni dwar meta tispiċċa l-gwerra se tittieħed flimkien mal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, u b’hekk jidher li l-kunflitt jista’ jdum aktar milli kien mistenni inizjalment.
//= $special ?>

