Lokali Parlament

Mument li jitlob sens ta’ għaqda nazzjonali mhux partiġġjaniżmu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg sostna fil-parlament llejla li dan hu mument li jitlob sens ta’ għaqda nazzjonali mhux partiġġjaniżmu.


Meta kien qed jitkellem fil-parlament bi tweġiba għal stqarrija ministrerjali tal-Prim Ministru dwar is-sitwazzjoni ta’ gwerra fil-Lvant Nofsani, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jrid jitkellem f’isem il-Maltin u l-Gawdxin kollha u mhux b’mod partiġġjan kif għamel il-Prim Ministru.


Hu qal li dawn l-iżviluppi fil-Lvant Nofsani qed juru b’mod ċar kemm is-sitwazzjoni fir-reġjun tista’ teskala malajr u kemm pajjiż żgħir bħall-Malta jista’ jkun affettwat direttament minn avvenimenti internazzjonali.
Alex Borg sostna li f’dan il-mument irid jirringrazzja lill-ħaddiema tas-servizz diplomatiku tagħna, lill-Forzi Armati ta’ Malta u lil dawk kollha li ħadmu b’dedikazzjoni biex ċittadini Maltin li kienu fir-reġjun setgħu jirritornaw Malta b’mod sigur.


F’mumenti ta’ tensjoni bħal dawn naraw kemm huwa importanti li l-istituzzjonijiet tal-Istat jaħdmu flimkien sbiex jipproteġu lill-poplu tagħna.


Madankollu, dawn l-avvenimenti jfakkruna wkoll li Malta ma tistax tħares lejn dan il-kunflitti biss mill-perspettiva konsulari. Mhux biżżejjed li nirreaġixxu biss meta ċ-ċittadini tagħna jkunu f’riskju. Pajjiżna għandu wkoll responsabbiltà politika u diplomatika usa’.


Bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għandna d-dmir li nkunu parti minn vuċi Ewropea aktar b’saħħitha li taħdem b’mod attiv għall-de-eskalazzjoni, għar-rispett tal-liġi internazzjonali u għall-istabbiltà fil-Mediterran u fil-Lvant Nofsani.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-kunflitt bejn l-Iran, Iżrael u l-preżenza militari Amerikana fir-reġjun qed joħloq riskji serji ta’ eskalazzjoni li jistgħu jkollhom konsegwenzi diretti għall-Ewropa kollha. Konsegwenzi fuq is-sigurtà tagħna, fuq ir-rotot tal-enerġija, fuq il-prezzijiet u fuq l-istabbiltà ekonomika tal-kontinent tagħna.


Għalhekk Malta għandha taħdem mill-qrib mal-imsieħba tagħha fl-Unjoni Ewropea biex tkun promossa triq diplomatika ċara li tnaqqas it-tensjonijiet u tipprevjeni eskalazzjoni ulterjuri.


Bħalma għamlet f’kull sitwazzjoni simili fil-passat, l-Oppożizzjoni qed toffri l-appoġġ tagħha lill-Gvern f’dak kollu li huwa meħtieġ biex jiġu protetti ċ-ċittadini Maltin u biex pajjiżna jagħti kontribut responsabbli f’dan il-mument delikat, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.


F’dan il-mument il-prijorità trid tibqa’ waħda ċara. Is-sigurtà taċ-ċittadini Maltin. Il-familji tagħhom hawn Malta jistħoqqilhom informazzjoni ċara, koordinazzjoni effettiva u s-serħan il-moħħ li l-Istat qed jagħmel dak kollu possibbli biex jipproteġihom.


Fejn jidħol il-prezz internazzjonali tal-fuel, il-Partit Nazzjonalista jaqbel mas-sussidju fuq il-kontijiet tal-energija u nerga nikkommetti ruħi li jekk inkunu fil-Gvern, inżommu dan is-sussidju għaliex dak li hu tajjeb aħna nirrikonnoxxuh u inżommuh.


Fejn tidhol l-istabbiltà fil-prezzijiet, l-għaqal tal-Gvern jidher meta dan jippjana għal dak li jista jinqala’ u għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ilu żmien jitlob u anke kien ressaq mozzjoni fil-Parlament li l-Gvern kien ivvota kontriha li fost l-oħrajn kienet twaqqaf fond nazzjonali biex ngħinu l-importaturi biex ma jbagħtux il-konsegwenzi meta jgħollew il-prezzijiet tas-shipping.


Jista’ l-Gvern almenu fiċ-ċirkustanza preżenti jikkometti ruħu li jdaħħal din l-għajnuna? Aħna se nibqgħu nkunu ta’ sapport għal gvern fuq livell internazzjonali, għaliex fuq dawn l-affarijiet mhemmx politika partiġġjana.


Irridu wkoll nibqgħu naħdmu fuq livell internazzjonali biex Malta tibqa’ vuċi li tħeġġeġ il-paċi u d-djalogu. Il-pożizzjoni ta’ pajjiżna għandha tkun waħda responsabbli, konsistenti u bbażata fuq il-prinċipji tal-liġi internazzjonali.


L-istorja tagħna turina li anke pajjiż żgħir bħal Malta jista’ jkollu rwol pożittiv. Gżira żgħira f’nofs il-Mediterran li ħafna drabi serviet bħala pont bejn popli u kulturi differenti.


Illum ukoll għandna nkomplu nżommu dan ir-rwol. Nappellaw għat-trażżin. Nappellaw għad-djalogu u nappellaw biex kull sforz diplomatiku possibbli jintuża biex jiġi evitat kunflitt akbar fir-reġjun tagħna.
Dan huwa mument li jitlob sens ta’ responsabbiltà u għaqda nazzjonali. Meta jkun hemm kriżi internazzjonali li tista’ taffettwa direttament lil pajjiżna u liċ-ċittadini tagħna, Malta għandha titkellem b’vuċi waħda. Vuċi li tappoġġja l-paċi, vuċi li tiddefendi l-liġi internazzjonali u vuċi li taħdem flimkien mal-imsieħba Ewropej tagħna biex il-Mediterran u r-reġjuni ta’ madwarna jibqgħu spazju ta’ stabbiltà u sigurtà, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.


Id-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li meta bdew l-attakki fil-Golf, il-Prim Ministru Spanjol qal li l-interventi minn Iżarel u mill-Istati Uniti tal-Amerika bħala irresponsabbli u li bihom, dawn il-pajjiżi qed jilgħabu mal-ħajjiet ta’ mijiet ta’ eluf ta’ nies. Quddiem din is-sitwazzjoni, il-President Trump wieġeb li kien se jwaqqaf kull forma ta’ kummerċ ma’ Spanja, sostna Mario de Marco, li spjega li l-Prim Ministru Spanjol hu wkoll Soċjalisa u għalhekk staqsa jekk ikkomunikawx mal-Prim Ministru Spanjol u jekk esprimiex solidarjetà mal-President Spanjol.


Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-parlament kollu qed jappella għall-kalma fil-pajjiż anki minħabba li Malta hi stat newtrali. Hu staqsa jekk il-gvern għandux informazzjoni dwar kemm huma ċ-ċittadini Maltin li jinsabu fl-istati milutqa mill-gwerra, jekk hemmx preżenza tal-Korp Diplomatiku f’dawn il-pajjiżi u x’inhi l-offerta biex ikun hemm persuni li jinġiebu lura fil-pajjiż.


Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg staqsa dwar vapuri tal-gwerra li jinsabu fil-portijiet Maltin, x’nazzjonalità huma u jekk għandhomx armi fuqhom. Hu staqsa wkoll jekk fl-aħħar għaxart ijiem ta’ gwerra għaddewx ajruplani u bastmenti tal-gwerra mit-territorjali Maltin.


Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo staqsa dwar x’passi se jieħu l-gvern dwar iż-żidiet fil-prezzijiet tal-bunkering li jissupplixxi għall-industrija u quddiem l-ispejjeż żejda li se jkun hemm fuq l-industrija.
Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia staqsa dwar il-war chest li semma’ l-Prim Ministru u staqsa kemm hu dan il-war chest u minn fejn jirriżulta.


Il-Prim Ministru qal li l-persentaġġ tad-dejn hu 46% tal-GDP u għalhekk jista’ jipproteġi n-negozji. Hu semma’ l-Iskema Stabbiltà, u sostna li quddiem l-importazzjoni imporati, il-Prim Ministru qal li se jerġa’ jirriattiva l-mekkaniżmu li kien hemm. Il-Prim Ministru qal li tul dawn il-ġrnaet ta’ gwerra, m’għaddew l-ebda ajruplani jew vapuri tal-gwerra mit-territorju Malti.