Internazzjonali

Sparatura quddiem ir-residenza tal-kantanta Rihanna

Mara ġiet arrestata wara li sparat tiri lejn ir-residenza tal-kantanta popolari Rihanna.

Il-każ seħħ il-Ħadd għall-ħabta tas-1:15pm, meta uffiċjali mid-Dipartiment tal-Pulizija ta’ Los Angeles irċivew rapporti ta’ sparaturi quddiem ir-residenza tal-kantanta.

Uffiċjal tal-pulizija qal li nstabu xi balal u li s-suspettata ġiet lokalizzata u arrestata.

Intqal ukoll li Rihanna kienet fir-residenza tagħha waqt dan l-inċident, però sorsi kkonfermaw li ħadd ma weġġa’. Il-Pulizija qalu li s-suspettata hija mara fuq it-30 sena, li waqfet bil-karozza fejn sparat seba’ tiri quddiem ir-residenza ta’ Rihanna u ħarbet minn fuq il-post.

Il-vettura li ntużat instabet madwar 8 mili ‘l bogħod mid-dar tal-kantanta.

Rihanna flimkien ma’ A$AP Rocky, għandhom żewġ subien, Riot u Rza kif ukoll tarbija li twieldet f’Settembru li għadda.

Il-kantanta twieldet Barbados, u isimha veru huwa Robyn Fenty. Hi saret famuża fil-bidu tas-seklu b’suċċessi bħal Pon De Replay u Umbrella. Riċentament, iċċelebrat 20 sena mill-ewwel darba li ħarġet album.