Tlett ijiem wara l-każ li ħasad lil Malta, il-Pulizija għadha għaddejja bit-tfittxija ta’ Salvatore Di Prima; it-Taljan ta’ 49 sena imfittex għall-attentat ta’ qtil taż-żewġ uliedu – ibnu ta’ 12-il sena u bintu ta’ 10 snin. Każ li seħħ f’Baħar iċ-Ċagħaq is-Sibt, tard filgħaxija.
Sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li r-raġel, magħruf aħjar bħala Salvo, huwa minn Katanja. Madanakollu, ilu diversi snin jgħix Malta; tant li kien residenti f’pajjiżna – bl-omm it-tfal hija Maltija.
Mill-ewwel indikazzjonijiet uħud mill-qraba tar-raġel waslu Malta minn Sqallija sabiex jgħinu fl-investigazzjonijiet.
Kelliema għall-Korp li tkellmu ma’ Net News insistew li t-tfittxija qed tissokta, partikolarment wara li l-investigaturi rnexxielhom isibu l-mobile tal-barrani – fejn allegatament instabu xi messaġġi li jindikaw li r-raġel ried ineħħi ħajtu b’idejh.
Madanakollu s’issa ma jidher li m’hemm ebda indikazzjoni ta’ fejn jista’ jkun, bil-vettura tar-raġel tinstab is-Sibt filgħaxija fl-istess akwata fejn instab it-tifel.
Sorsi qrib l-investigazzjoni spjegaw li r-raġel ħa lill-uliedu f’sit biswit il-White Rocks f’Baħar iċ-Ċagħaq għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija. U jidher li t-tifla ta’ 10 snin irnexxielha taħrab minn taħt idejn missierha; tgħajjat għall-għajjut.
Prontament uffiċjali tal-Pulizija waslu fil-post fejn sabu lil ħuha ta’ 12-il sena bi ġrieħi gravi, iżda filwaqt li t-tfal ittieħdu b’urġenza l-Isptar Mater Dei…il-missier, tlett ijiem wara għadu qed jiġi mfittex wara li ħarab mill-post.
Filwaqt li l-ħidma tal-Pulizija flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta qed tissokta kemm fl-akwati tal-White Rocks kif ukoll mal-kosta taz-zona, jidher li din it-tfittxija twessgħat għal diversi nħawi oħrajn f’Malta.
Intant, sorsi li tkellmu mal-ġurnal Times of Malta spjegaw li qatt ma kien hemm rapporti ta’ vjolenza domestika magħmula mit-tfal jew mill-eks mara tat-Taljan – dan filwaqt li f’messaġġ minnhom li nstab fuq il-mobile ta’ Di Prima ntqal li huwa konvint li qatel lill-ibnu. U huwa għalhekk li ried itemm ħajtu.
Il-Pulizija appellaw biex kull min għandu xi informazzjoni dwar fejn jista’ jinsab Salvatore Di Prima għandu jikkuntattja lill-Korp minnufih.
//= $special ?>

