Il-Pulizija qed tinvestiga allegat każ ta’ korruzzjoni marbut mal-partita mill-Malta Premier bejn Mosta u Naxxar Lions. Dan il-konfront, hu wieħed mid-derbies l-aktar missielta fil-futbol Malti u fl-aħħar snin, speċjalment meta Naxxar Lions irritornaw jilagħbu fl-ogħla diviżjoni, reġa’ kiber fl-interess.
Il-partita li allegatament qed tiġi investigata, skont dak żvelat minn The Times of Malta, permezz tas-sit elettroniku tagħha, hija dik li ntlagħbet fl-4 ta’ Frar li għadda. Dakinhar Naxxar Lions kienu rebħu d-‘Derby tat-tramuntana’ bl-iskor kbir ta’ 5-0. Din kienet l-aħħar logħba li sal-lum, Mosta u Naxxar Lions lagħbu kontra xulxin.
Dan il-konfront kien validu minn match day 20 tal-Malta Premier, u kien ir-raba’ konfont għaż-żewġ timijiet fl-istadju tal-Closing Round. Ir-rebħa ta’ Naxxar Lions, flimkien mal-bqija tar-riżultati li segwew sal-aħħar logħba li t-tim lagħab s’issa, f’dan it-tieni Kampjonat minn tnejn bil-fomat tal-Malta Premier, kompla saħħaħ il-possibiltá li Naxxar Lions jiskbu post mal-ewwel sitta tal-Closing Round.
Fl-Opening Round, Naxxar Lions kienu lagħbu mal-aħħar sitta, iġifieri Bottom Six, spiċċaw fil-11-il post, b’Mosta wkoll lagħbu Bottom Six u temmew l-Opening Round b’punt wieħed biss vantaġġ minn Naxxar Lions.
Il-klassifikazzjoni finali tal-Opening Round fissret li Naxxar Lions għandhom possibiltá kbira li fl-aħħar tal-Kampjonat, jilgħabu play-off, kontra avversarji li għad irridu jkunu magħrufa, biex isalvaw posthom jew le ġħal staġun ieħor tal-Malta Premier. Dan għaliex fl-Opening Round, Naxxar Lions spiċċaw mal-aħħar żewġ postijiet tal-klassifika. Staġun ilu, Naxxar Lions kellhom ukoll jilagħbu din il-play-off, fl-aħħar tal-istaġun, u kienu rebħu l-konfront deċiżiv kontra Melita.
Fit-tmiem il-ġimgħa li ġejja, se tkun qed tintlagħab l-aħħar match day tal-Closing Round, qabel it-12-il tim tal-Malta Premier jinqasmu għall-aħħar darba, Top Six u Bottom Six. Attwalment Naxxar Lions jinsabu fis-sitt post tal-klassifika, u l-konfront li jmisshom jilagħbu hu kontra Hibernians, fejn b’rebħa, l-iskwadra mmexxija mill-kowċ Winston Muscat ikunu laħqu tragward importanti li jilagħbu l-Closing Round fit-Top Six.
Fil-każ ta’ Mosta, ir-riżultati miksuba s’issa fil-Closing Round qed jarhom fl-aħħar post tal-klassifika, b’punt wieħed biss mirbuħ. Dan ifisser li Mosta se jkunu qed jerġgħu jilagħbu żgur mal-aħħar sitta f’din l-aħħar fażi tal-Malta Premier. Agħar minn hekk, jekk Mosta ma jtejbux ir-riżultati fis-sitt partiti li għad baqgħalhom x’jilagħbu sat-tmiem ta’ dan il-Kampjonat u jispiċċaw il-Closing Round fl-aħħar żewġ postijiet tal-klassifika, ikollhom jilagħbu play-off għal min se jżomm postu fil-Malta Premier. Din il-play-off possibilment tista’ tkun kontra Naxxar Lions.
L-uniku mod ta’ kif f’dan l-istadju, Naxxar Lions jevitaw ir-relegation play-off fl-aħħar tal-istaġun hu li jagħmluha mat-Top Six tal-Closing Round, u Ħamrun Spartans ma jirbħux il-Kampjonat jew Floiana u Ħamrun Spartans ma jispiċċawx l-ewwel u t-tieni. F’dak il-każ, ir-rebħ tal-Malta Premier irid ikun deċiż permezz tal-Final Four, kif seħħ staġun ilu, u Naxxar Lions iridu jittamaw li jibqgħu jiksbu riżultati tajbin biżżejjed li jgħaddu għall-Final Four. F’dak il-każ biss, Naxxar Lions ma jilagħbux ir-relegation play-off.
Sitwazzjoni komplessa u li fil-veritá fuq il-karta tidher xi ftit diffiċli biex iseħħ għal Naxxar Lions.
Fil-veritá, l-ewwel ħjiel li partita tal-Malta Premier kienet qed tiġi investigata, kien żvelat nhar it-Tnejn li għadda f’programm sportiv fuq TVM Sports, li madankollu ma ta ebda dettalji ta’ liema kienet il-partita u wisq aktar min kienu t-timijiet. L-għada, The Times of Malta kkonfermaw mal-Pulizija li l-partita li kienet qed tiġi investigata kienet dik bejn Mosta u Naxxar Lions, li ntlagħbet fl-4 ta’ Frar li għadda.
Il-Pulizija qalu lil The Times of Malta li għaddejja investigazzjoni wara li rċevew rapport relatat mal-partita madankollu ma tawx aktar dettalji minħabba n-natura kontinwa tal-inkjesta.
L-istess rapport ta’ The Times of Malta qalu li sorsi qrib il-każ qalu li l-investigaturi qed jinvestigaw allegazzjonijiet li xi plejers ta’ Mosta FC ġew ikkuntattjati qabel il-partita.
L-allegat kuntatti jidhru li jinvolvu individwu deskritt mis-sorsi bħala intermedjarju fil-futbol li għandu x’jaqsam mal-wasla ta’ plejers barranin f’klabbs Maltin.
Sorsi indikaw li l-plejers ġew offruti “inċentivi” bil-għan li jinfluwenzaw ir-riżultat tal-partita.
Jidher li wara l-partita, dejjem skont dak li żvelat The Times of Malta, uffiċjali ta’ Mosta FC kellhom diskussjonijiet interni ma’ diversi plejers li lagħbu fil-partita.
Matul dawn id-diskussjonijiet, ħareġ li l-plejers kienu ġew ikkuntattjati qabel il-partita u allegatament ġew offruti b’proposta relatata mar-riżultat tal-logħba.
Sorsi qrib il-klabb qalu li l-plejers imsemmija wrew messaġġi lill-uffiċjali tal-klabb li qalu li rċevewhom b’rabta mal-allegat kuntatt.
L-informazzjoni mbagħad ġiet mgħoddija lill-Pulizija, li bdew investigazzjoni dwar il-każ.
Intant permezz tal-midja soċjali taghħom, Naxxar Lions qalu li ma rċevew ebda komunikazzjoni uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti u saru jafu biss b’dan l-allegat każ permezz tal-midja.
L-istqarrija tal-klabb tgħid li “Naxxar Lions FC tibqa’ impenjata bis-sħiħ lejn l-ogħla standards ta’ integrità u trasparenza fil-futbol. Il-klabb se jikkopera kompletament ma’ kull awtorità kompetenti jekk ikun meħtieġ u jieħu l-passi kollha neċessarji biex jipproteġi l-integrità u r-reputazzjoni tal-klabb.”
Wieħed jifhem li għadu bikri biex wieħed joħroġ b’aktar dettalji li ma jkunux spekulattivi, anke għaliex ma nafux bl-eżatt f’liema stadju tinsab l-investigazzjoni tal-Pulizija fuq dan l-allegat każ.
//= $special ?>

