Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Iran: Il-pajjiżi tal-Golf jiddefendu ruħhom kontra l-attakki

Filwaqt li l-Istati Uniti u Iżrael qed ikomplu bl-attakki fuq l-Iran, il-pajjiżi tal-Golf, ġirien tal-Iranjani, qed jinterċettaw il-missili tal-Iranjani sparati lejn il-bażijiet tal-Amerikani f’arthom… missili li mill-ġdid laqtu wkoll lil xi faċilitajiet taż-żejt.

L-Arabja Sawdija u l-Kuwajt irnexxielhom jinterċettaw numru ta’ missili ballistiċi u drones waqt li l-awtoritjaiet f’Manama, il-kapitali tal-Bahrain, qed iwissu kontinwament lir-residenti biex ifittxu l-kenn wara li mara nqatlet fi splużjoni ta’ drone sparat mill-Iran.

Il-Ministeru tad-Difiża tal-Emirati Għarab, fl-istess ħin, ħabbar li l-pajjiż għadu qed jiddefendi ruħu kontra t-theddida tad-drones u missili min-naħa tal-Iran.

Fl-aħħar sigħat ukoll, l-Iżraeljani – fost mewġa ġdida ta’ bumbardamenti mill-ajru fuq Teheran – kienu qed jattakkaw diversi bnadi tal-Libanu fejn hemm is-siti kontrollati mill-milizji Xiti tal-Ħeżbollah, alleati tal-Iran. Dan waqt li eluf ta’ familji Lebaniżi kienu kostretti li jevakwaw mill-ibliet ta’ Tyre u Sidon.

Min-naħa tiegħu, il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, wissa lill-Iran li mhux se jippermetti aktar abbużi tal-ispazju tal-ajru ta’ pajjiżu. Dan wara li s-sistemi tad-difiża tan-NATO waqqgħu missila ballistika oħra tal-Iranjani li daħlet fl-ispazju tal-ajru tat-Torok – bil-Gvern f’Ankara jikkundanna l-azzjoni bħala waħda mhix ġustifikata.

Erdogan sostna li l-attakki tal-Iran fuq l-artijiet tal-pajjiżi ġirien mhuma jservu lil ħadd  u, waqt telefonata lill-President Iranjan Masoud Pezeshkian, qal li t-Turkija qed tipprova tiftaħ il-bieb għad-diplomazija biex din il-gwerra tieqaf mill-aktar fis.

‘Stabbilità għar-reġim’

Il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Abbas Araghchi, waqt intervista, qal li l-ħatra ta’ Mojtaba Khamenei bħala l-Mexxej Suprem tal-Iran għandha titqies bħala kontinwazzjoni tar-reġim ta’ missieru, Ali Khamenei, li nqatel minn missila tal-Amerikani fil-bidu tal-gwerra… ir-reġim Iranjan qed iwassal ukoll il-messaġġ li Mojtaba Khamenei għandu jipprovdi forma ta’ stabbilità għal pajjiżu anki f’dawn iż-żmenijiet inċerti.

Fl-istess ħin, l-Iran mhux lest għan-negozjati mal-Istati Uniti, bil-Ministru Araghchi jagħlaq il-bieb għal din il-possibbiltà bil-kumment li ‘l-Iran għandu esperjenzi koroh ta’ xi tfisser meta r-rappreżentanti tiegħu jpoġġu madwar il-mejda flimkien mal-Amerikani’.

It-tmexxija fl-Iran, fl-istess ħin, tinsab konfuża dwar ‘fejn tixtieq li tasal l-Istati Uniti b’din il-gwerra’ u meta insistiet li l-Amerikani, minkejja l-ħafna diskors trijonfali, bl-ebda mod mhuma qed jilħqu l-miri tagħhom.