Diversi sorsi qed iwissu li l-interessi tal-Istati Uniti madwar id-dinja jistgħu jispiċċaw dejjem aktar bħala miri ostili għall-gruppi estremisti sigrieti minħabba l-gwerra tal-Iran u s-sitwazzjoni inkwetanti attwali fil-Medda ta’ Gaza…Dan ukoll meta l-analisti mhumiex jeskludu li l-livell tat-theddida ta’ terrur fil-pajjiżi tal-Punent hu l-ogħla li qatt kien għal dawn l-aħħar ħames snin.
Il-Pulizija fil-Kanada, issa, qed tinvestiga rapporti dwar sparatura fid-direzzjoni tal-konsulat tal-Istati Uniti fil-belt ta’ Toronto – bl-awtoritajiet mhumiex jiżvelaw dettalji inkella jekk humiex jissuspettaw f’xi persuna jew grupp partikulari.
Il-kelliema għall-Pulizija kkonfermaw biss il-lokalità tal-isparatura li seħħet fl-għodwa tat-Tlieta u li ma kkaġunat l-ebda vittmi jew midruba.
Dan ukoll meta l-uffiċjali tal-liġi f’Toronto ma identifikaw lill-ebda suspettat fost l-investigazzjonijiet intensivi.
L-inċident seħħ wara l-isplużjoni tal-Ħadd li għadda barra l-Ambaxxata Amerikana f’Oslo u li għadha taħt investigazzjoni mill-Pulizija Norveġiża. Il-pulizija fin-Norveġja qegħdin ifittxu għal suspett li jaħsbu li qiegħed bomba fl-inħawi bl-intenzjoni ta’ attakk terroristiku …Madankollu, l-awtoritajiet Kanadiżi, almenu għalissa, mhumiex jiddikjaraw l-isparatura ta’ sigħat ilu bħala każ speċifiku ta’ terroriżmu.
L-isplużjoni diretta għall-konsulat ta’ Oslo kienet ikkaġunat il-ħsarat fil-bini iżda b’xorti tajba lanqas f’dan il-każ ma rriżultaw il-vittmi. Intant, id-Dipartiment tal-Istat Amerikan ukoll qed iwettaq l-investigazzjoijiet tiegħu dwar l-inċident fin-Norveġja.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet fin-Norveġja u l-Kanada qed jinvestigaw jekk l-inċidenti għandhomx rabta diretta mal-iżviluppi allarmanti attwali li rrankaw fir-reġjun tal-Lvant Nofsani.
L-aħħar rapporti qalu li t-toroq fil-viċinanzi tal-konsulat Amerikan f’Toronto baqgħu magħluqin għat-tul taż-żmien fost l-investigazzjonijiet bir-reqqa tal-pulizija.
Fil-fatt, qabel l-inċident ta’ sigħat ilu, kienu seħħew xi sparaturi simili lejn numru ta’ bini f’Toronto u mindu l-Istati Uniti u Iżrael bdew l-offensiva fuq l-Iran fit-28 ta’ Frar. Mifhum, sadanittant, li talanqas tlett sinagogi tal-Lhud separati kienu ntlaqtu minn tiri sparati lejhom fl-aħħar ġimgħa.
Il-Pulizija f’Toronto żvelat ukoll li persuna jew persuni mhux identifikati kienu sparaw fuq gym tal-boxing li l-proprjetarju tiegħu hu Kanadiż ta’ nisel Iranjan magħruf ukoll bħala kritiku kbir tar-reġim Iżlamiku f’Teheran.
Sadanittant, id-diversi sorsi infurmati, inklużi membri tas-servizzi sigrieti fil-Punent, qed jindikaw il-probabbiltà kbira ta’ attakki ġodda mill-gruppi tal-militanti finanzjati mill-Iran kontra l-organizzazzjonijet tal-Amerikani u l-Lhud madwar id-dinja.
//= $special ?>

