Lokali Parlament

Il-Prim Ministru intrabat li jpoġġi r-rapport annwali tal-ARUC fil-parlament; għadu qatt ma kien preżentat rapport wieħed

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ta ruling li fih qal li l-Prim Ministru intrabat li jpoġġi r-rapport annwali tal-ARUC fil-prlament għaliex għadu qatt ma kien preżentat rapport wieħed ta’ din l-Awtorità.

Dan ir-ruling ingħata wara mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista David Agius, li kien staqsa lill-Prim Ministru dwar ir-rapport annwali tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) fejn kien imwieġeb li “r-rapport operattiv annwali ġie mħejji mill-Awtorità ” u għalhekk talab li l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport annwali tal-istess Awtorità u li jinkludi wkoll il-baġit allokat mill-Gvern.

L-Ispeaker qal li s-Sedja hija konxja wkoll ta’ dak li jgħid l-Att li jwaqqaf l-Awtorità dwar l Użu Responsabbli tal-Kannabis fejn jgħid li l-Bord għandu malajr kemm jista’ jkun iżda mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-għeluq ta’ kull sena finanzjarja, jibgħat lill-Ministru rapport annwali u li r-rapport annwali jkun impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Ministru sa mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara li jkun wasal.

Is-Sedja qalet li sa mit-twaqqif tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis mir- records tal-Kamra jirriżulta li l-ebda rapport annwali tal-istess Awtorità ma tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra u ħadet nota tal-istess risposta tal-Prim Ministru fejn ftit tal-ġranet ilu qal li jinsab informat li l-kontijiet annwali tal-istess Awtorità qegħdin fi stadju ta’ konklużjoni u se jkunu qed jiġu ppreżentati quddiem din il-Kamra fil-ġimgħat li ġejjin.

L-Ispeaker qal li għalhekk meta s-Sedja ħadet dan inkonsiderazzjoni, qed teħodha li l-Prim Ministru, fl-ewwel okkażjoni li jkollu meta jiġi konkluż ir-rapport annwali tal-istess Awtorità, ikun allura qiegħed f’pożizzjoni, li jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan ir-rapport annwali kif ċertifikat mill-awdituri.

Għaldaqstant, ladarba r-risposta kienet proprju riċenti – fit-18 ta’ Frar 2026 – is-Sedja tifhem, f’dan l-istadju, li l-Prim Ministru se jieħu l-ewwel okkażjoni li jkollu, meta jiġi konkluż dan ir-rapport, li diġà ta l-kelma li, se jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.