Il-Qorti laqgħet l-appell ippreżentat mid-Direttur tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u ħassret multa ta’ €1,000 li kienet ġiet imposta fuqu fid-29 ta’ Jannar 2026.
Hu kien instab ħati ta’ disprezz tal-Qorti wara li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin naqset milli tieħu lill-imputat Paschalino Cefai fil-ħin il-qorti biex jattendi s-seduta li kellu dakinhar.
Id-Direttur kien ordnat li jħallas il-multa fi żmien 24 siegħa.
Il-Magistrat fl-ewwel Qorti kienet sostniet li l-ispjegazzjoni mogħtija lill-Assistent Reġistratur tal-Qrati t’Għawdex għaliex Cefai ma twassalx fil-ħin ma kienet xejn għajr “skuża u gidba” biex l-aġenzija tipprova tiskolpa ruħha mid-dewmien.
Fl-appell tiegħu, id-Direttur argumenta li din il-kundanna kienet “inġusta ħafna” u nieqsa minn bażi legali.
Huwa saħaq li peress li ma kienx preżenti waqt is-seduta, il-Qorti ma setgħetx timponi piena għal disprezz.
Id-Direttur sostna li hu qatt ma kkomunika personalment mal-Assistent Reġistratur, u li kull komunikazzjoni saret minn uffiċjal ieħor tal-Faċilità Korrettiva.
Huwa qal li l-aġenzija m’għandhiex kontroll fuq il-policies tal-Gozo Channel, li kien il-fattur ewlieni għalfejn l-imputat wasal tard.
Huwa kkontesta l-ordni li l-multa titħallas fi żmien 24 siegħa, meta l-liġi tagħti jumejn ċans biex wieħed jappella.
Wara li eżaminat il-każ, il-Qorti tal-Appell innotat li l-Ewwel Qorti naqset milli tindika l-artikolu speċifiku tal-liġi li abbażi tiegħu nstab ħati l-appellant.
Il-Qorti spjegat id-distinzjoni legali bejn disprezz li jsir waqt seduta u dak li jsir barra mill-awla.
Il-Qorti tal-Appell kkonkludiet li l-Maġistrat ma setgħetx tikkundanna lid-Direttur f’dawn iċ-ċirkostanzi. Għaldaqstant, hija ħassret il-multa ta’ €1,000 u ordnat li kull parti tħallas l-ispejjeż tagħha.
Il-Qorti kienet preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, l-Imħallef Robert G. Mangion, u l-Imħallef Simone Grech.


