Lokali Qorti

Il-Qorti tisma’ kif qabda kokaina f’Għawdex kellha purità eċċezzjonalment għolja ta’ 90%

Espert forensiku tad-drogi kkonferma li s-sustanza misjuba għand l-akkużat, Nenad Kovacic, kienet kokaina b’livell ta’ purità ta’ 90%, waqt il-kompilazzjoni tal-evidenza kontrih.
L-espert kkonferma wkoll il-piż tad-drogi misjuba, li kien ta’ 76kg.

Kovacic, raġel ta’ 45 sena residenti x-Xagħra, ġie arrestat fl-14 ta’ Ottubru wara li l-pulizija rċeviet tip-off anonimu dwar Toyota Rav 4 suspettuża li kienet ser tinżel mill-vapur ta’ Għawdex fil-port tal-Imġarr.

Il-pulizija sabu 18-il blokka ta’ kokaina, b’piż ta’ madwar 18-il kilo, moħbija fi sports bag fil-bagoll tal-karozza. Tfittxija li segwiet fid-dar li kien qed jikri l-akkużat fix-Xagħra wasslet biex instabu 52 blokk addizzjonali ta’ kokaina f’basktjiet tax-xiri.
Matul is-seduta, il-prosekuzzjoni esebiet d-drogi fil-Qorti, u wara l-espert forensiku qal kif saret l-analiżi tas-sustanza.

L-espert spjega li t-testijiet tal-laboratorju kkonfermaw li s-sustanza kienet kokaina b’livell ta’ purità ta’ 90%, u ddeskriviet dan il-livell bħala estremament għoli.
Meta mistoqsija mill-prosekutur Godwin Cini dwar xi tfisser din il-purità, l-esperta qalet li kienet ħafna ogħla mill-medja tas-soltu. Skont il-figuri li ppreżentat, il-purità medja tal-kokaina misjuba bejn l-2022 u l-2024 normalment kienet tvarja bejn 41% u 79%.

L-esperta qalet ukoll lill-Qorti li d-drogi misjuba kellhom valur tas-suq stmat ta’ €4,359,982.

Rapporti preċedenti kienu jissuġġerixxu valur stradali ta’ madwar €9 miljun, madankollu dan id-differenza tirriżulta mill-fatt li l-kokaina ħafna drabi tiġi maqtugħa b’sustanzi oħra qabel ma tinbiegħ.
Il-valutazzjoni tal-esperta ma kkunsidratx diluzzjoni b’materjali oħrajn għax ma kienx possibbli li jiġi stabbilit kemm-il darba d-droga kienet se tiġi maħduma jew f’liema proporzjonijiet kienet se titħaddem qabel tasal għall-konsumatur finali.

Fis-seduta l-Qorti semgħet ukoll xhieda minn espert tat-teknoloġija li analizza diversi mobiles relatati mal-każ. L-espert spjega li d-diversi ċellulari ġew eżaminati forensikament bħala parti mill-investigazzjoni.

Il-Maġistrat Jean Paul Grech ppreseda s-seduta. L-avukat mill-uffiċċju tal-AĠ Godwin Cini mexxa l-prosekuzzjoni, assistit mill-ispetturi John Leigh Howard u Alfredo Mangion.
L-avukati Franco Debono u Nicholas Mifsud dehru għall-akkużat.