Futbol Sport

Illum jibdew jintlagħbu l-logħbiet tal-aħħar 16 tal-UEFA Champions League

(Ritratt: EPA)

Illum tirritorna l-UEFA Champions League bl-ewwel erba’ logħbiet mill-fażi tal-aħħar 16. Ħarsa ħafifa lejn il-logħbiet skedati għal-lum.

Galatasaray v Liverpool

Fost il-logħbiet jispikka d-dwell bejn Galatasaray u Liverpool. L-Ingliżi diġà ltaqgħu ma’ Galatasaray f’Istanbul dan l-istaġun. F’Settembru li għadda, it-Torok kienu għelbu lit-tim ta’ Arne Slot iżda l-forma ta’ Liverpool tjiebet xi ftit għalkemm għadhom lura mill-forma tal-istaġun li għadda.

L-għan ta’ Liverpool se jkun żgur li ma joħorġux telliefa f’Istanbul biex fil-partita ta’ ritorn f’Anfield ifittxu l-kwalifikazzjoni. Fl-aħħar logħba fil-kompetizzjoni li lagħbu f’darhom, Galatasaray għelbu lil Juventus 5-2, sinjal ċar li Liverpool iridu jkunu fl-aħjar tagħhom.

Newcastle v Barcelona

Konfront ieħor li diġà ntlagħab f’din l-edizzjoni hu Newcastle v Barcelona. F’Settembru li għadda, l-Ispanjoli ħarġu rebbieħa 2-1 f’St. James’ Park u t-tim ta’ Hansi Flick jibda favorit li jirbaħ illum ukoll. Iżda l-forma ta’ Newcastle fl-Ewropa quddiem il-partitarji tagħhom għandha tagħtihom kuraġġ, b’erba’ rebħiet minn ħames logħbiet. F’La Liga, Barcelona ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 kontra Athletic Club u baqgħu fil-quċċata tal-klassifika.

Atalanta v Bayern Munich

Atalanta huma l-uniku tim Taljan li fadal fil-kompetizzjoni. Huma ġejjin minn kwalifikazzjoni kontra tim Ġermaniż wara li għelbu lil Borussia Dortmund 4-1 f’darhom. Konxji mill-qawwa taċ-Champions Ġermaniżi Bayern Munich, Atalanta se jidħlu għal din il-logħba mingħajr pressjoni u b’kunfidenza iżda jafu li l-avversarji tagħhom huma ta’ kwalità aħjar. Bayern Munich tilfu darba biss f’din l-edizzjoni kontra Arsenal u wara dik il-logħba, kisbu 17-il rebħa mill-aħħar 20 partita.

Atletico Madrid v Tottenham

Tottenham jittamaw li jinsew ftit id-diżappunt fil-Premier League. Fil-Wanda Metropolitano jilagħbu fi Spanja kontra Atletico Madrid. It-tim ta’ Diego Simeone hu tim b’saħħtu fil-grawnd tiegħu u quddiem il-partitarji jsib ix-xibka b’mod regolari. Madankollu Tottenham huma tim differenti f’din il-kompetizzjoni b’telfa waħda biss fil-fażi preċedenti. Il-manager Igor Tudor jittama li jikseb l-ewwel rebħa fit-tmexxija tat-tim wara tliet telfiet konsekuttivi fil-kampjonat u jħares lejn il-logħbiet tal-kampjonat bi ftit aktar ottimiżmu.

Logħob li jmiss

Illum: Galatasaray v Liverpool 6.45pm; Atalanta v Bayern Munich 9.00pm; Atletico Madrid v Tottenham 9.00pm; Newcastle v Barcelona 9.00pm.

Għada: Bayer Leverkusen v Arsenal 6.45pm; Bodo/Glimt v Sporting 9.00pm; PSG v Chelsea 9.00pm; Real Madrid v Manchester City 9.00pm