Wara li nieda l-Viżjoni 2050 fi Pjazza Tritoni b’tant pompa, il-Prim Ministru ma jridx jgħid kemm nefaq mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi għal din is-serata.
Affaċjat bil-mistoqsijiet ta’ Net News barra l-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela ħarab għal kollox milli jwieġeb kemm intefqu flus sabiex ittella’ dan ix-show fi Pjazza Tritoni.
Meta ppressat mill-ġurnalisti, Robert Abela insista li n-nefqa – li baqa’ ma qalx kemm hi – kienet waħda li għalih hi “meħtieġa”.
Robert Abela baqa’ spiċċa ħarab lejn Kastilja mingħajr ma spjega kemm nefaq mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi għall-preżentazzjoni tal-Viżjoni 2050.
Is-show li ittella’ fi Pjazza Tritoni ħoloq mill-ġdid tensjoni fil-Kabinett Laburista, hekk kif il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana – filwaqt li ma ddikjarax kemm kienet in-nefqa għal dan ix-show – qal biss li issa se jħalli f’idejn il-poplu sabiex jiġġudika jekk l-ispiża kinitx adegwata.
Il-Malta Chamber minn naħa tagħha qalet li din il-Viżjoni m’għandiex tkun biss eżerċizzju ta’ PR. Filwaqt li d-Delegat Speċjali tal-Labour Jason Micallef iddejjaq li waqt ix-show, il-Gvern kien nieqes mill-umiltà.


