Lokali

Kien saru rapporti kontra Salvatore Di Prima dwar fastidju fuq martu

It-tfittxija daħlet fir-reba' jum tagħha

It-Times qed tgħid li għand il-Pulizija kienu waslu żewġ rapporti kontra r-raġel minn Sqallija li jinsab imfittex b’rabta mal-każ ta’ attentat ta’ qtil fuq iż-żewġ uliedu – każ li seħħ nhar is-Sibt bil-lejl, bir-raġel għadu maħrub.

Jidher li l-mara tiegħu kienet għamlet rapporti li hi kienet iffastidjata minn żewġha; għalkemm huma kienu isseparaw. Dan apparti li anke Salvatore Di Prima kien irrapporta lil martu.

Skont it-Times, dawn ma kienux rapporti ta’ vjolenza domestika.

Sorsi li lbieraħ tkellmu ma’ Net News spjegaw li r-raġel – magħruf aħjar bħala Salvo – hu minn Katanja. Madanakollu, ilu diversi snin jgħix Malta; tant li kien residenti f’pajjiżna. U omm it-tfal hija Maltija.

Il-Pulizija rnexxielhom isibu l-mobile tat-Taljan. Iżda t-tfittxija għalih għadha għaddejja.

Ir-raġel ġie rappurtat minn bintu stess, wara li hu aggredixxa lil ulieda fiz-zona tal-White Rocks.

L-istess sorsi ta’ Net News qalulna li t-tfal spiċċaw fi stat xokkanti, u sofrew feriti serji.

It-tifel kellu feriti f’wiċċu, f’għajnejh u anke f’rasu. U kollox jindika li l-missier infexx iwaddab ġebel lejh.

It-tifla kellha marki li kienu evidenti ferm fuq għonqha, hekk kif jidher li l-missier beda jissara magħha biex jifgaha.