Waqt li fi tmiem il-ġimgħa fil-Palazz Verdala saret l-attività ‘Kwareżima’, il-Kap tal-PN Alex Borg qatta’ ħin twil jara l-esebizzjonijiet li ġew preżentati bħala parti minn din l-inizjattiva għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa – inizjattiva xprunata mill-Uffiċċju tal-President u li ġabet flimkien bosta dilettanti ta’ kull età.
Fost dawn, kien hemm anke tfal li ħadu sehem fl-esebizzjonijiet u li tkellmu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
F’mument minnhom, Alex Borg deher f’filmat ikellem tifel partikolari – filmat li deher ukoll fuq TikTok.
“Nirrispettak, imma jien mal-Labour”, qal it-tifel b’mod mill-aktar ġenwin. B’Alex Borg iwieġeb bit-tbissima solita tiegħu u jgħidlu “ma jimpurtax, nieħu gost li tkellimna ftit”.
Pronti kienu r-reazzjonijiet, inkluż mit-tenur famuż Joseph Calleja li ddeskriva r-reazzjoni ta’ Alex Borg bħala waħda li tmiss il-qlub. Joseph Calleja faħħar ukoll lil dan it-tifel.
“Fakkarna li l-politika mhix insulti, imma li nħabbtu l-ideat”, kiteb Joseph Calleja fuq il-mdia soċjali.



