Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli,
il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni
Kemm se ndumu biex nifhmu li s-saħħa mentali mhijiex suġġett sekondarju?
Kemm se ndumu nisimgħu l-istess diska u kantaliena, użi, nippubblikaw rapporti u strateġiji, niddiskutu u norganizzaw laqgħat, u kollox jibqa’ fuq l-ixkaffa, waqt li familji sħaħ qed jgħixu taħt pressjoni kontinwa?
Ma nismax storja waħda u tnejn, fejn inħabtu l-bibien, imma l-ebda bieb ma jinfetaħ.
Bl-ebda mod ma qed nitfa’ t-tort fuq xi ħadd, anzi għal kuntrarju irrid nuri solidarjetà għal min jaħdem f’dan il-qasam, b’mod speċjali għal case load qawwi li għandhom il-professjonisti Maltin. Id-domanda kibret, u ma nistgħux indawru wiċċna n-naħa l-oħra.
Illum irridu nitkellmu ċar, li jekk ma ninvestux bis-serjetà fis-servizzi psikoloġiċi fil-komunità, inkunu qed inħallu problema tikber quddiem għajnejna.
Skont l-aktar data riċenti tan-National Statistics Office (NSO), kważi 17% tal-popolazzjoni tinsab f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Dan mhux biss numru ekonomiku. Dan huwa indikatur ċar ta’ stress, ansjetà u inċertezza. Meta familja ma tkunx ċerta kif se tlaħħaq mal-kirja jew mal-kontijiet, il-konsegwenzi ma jkunux biss finanzjarji, imma aktar ikunu konsegwenzi emozzjonali u psikoloġiċi.
Bħala soċjetà u bnedmin li jimpurtana, jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna: kemm minn dawn in-nies għandhom aċċess rapidu u bla stigma għal psikologu fil-komunità tagħhom? Kemm huma dawk li jistennew xhur sħaħ għal appuntament? U kemm huma dawk li, minħabba l-ispejjeż, lanqas biss jippruvaw ifittxu l-għajnuna?
Il-verità hi li s-servizzi tas-saħħa mentali għadhom wisq iċċentrati fuq interventi, meta l-problema tkun diġà gravat.
Għaliex nibqgħu nintervjenu tard? Hemm stejjer ta’ swied ta’ qalb, meta nintervjenu tard wisq. Bla dubju qed nikteb minn dak li nara, u l-jum ivarja fil-ħajja ta’ persuna li tkun għaddejja minn din l-esperjenza iebsa. Xi wħud, ikun ġa tilfu l-motivazzjoni tagħhom. Għidli int kif persuna se tfittex l-għajnuna meta din tkun ġa f’xifer pressjoni finanzjarja. Meta ħaddiem ikun diġà qed ibati minn burnout, u stejjer oħra simili bħal dawn li qed nikteb. Hemm każijiet fejn istituzzjonijiet jindunaw bl-emerġenza ta’ ċertu każijiet, u madanakollu mnalla jkunu huma.
Għaliex ċertu ndividwi jispiċċaw weħidhom fil-veru sens tal-kelma. Imma sfortunatament nsimgħu wkoll b’ servizzi li jieħdu fit-tul, b’ lista ta’ stennija ma tispiċċa qatt, meta dawn jkunu jeħtieġu għajnuna b’immedjata. Din mhijiex politika soċjali moderna, din hija politika reattiva. Jekk irridu nkunu serji, irridu nbiddlu l-mudell kompletament.
L-ewwel nett, għandna bżonn netwerk b’saħħtu ta’ psikologi u counsellors fil-livell lokali. Mhux biss fiċ-ċentri prinċipali, imma fil-qalba tal-komunitajiet tagħna. Servizzi integrati mal-kunsilli lokali, mal-iskejjel u maċ-ċentri tas-saħħa. Il-komunità trid issir l-ewwel punt ta’ kuntatt, u mhux aktar niddependu minn sptar wieħed.
It-tieni nett, irridu ninvestu fil-prevenzjoni. Programmi ta’ edukazzjoni emozzjonali fl-iskejjel, workshops għall-ġenituri, u appoġġ psikoloġiku fuq il-post tax-xogħol. Ma nistgħux nibqgħu nittrattaw is-saħħa mentali bħala kwistjoni privata. Hija kwistjoni pubblika, soċjali u ekonomika.
Irridu nnaqqsu l-istigma b’kampanja nazzjonali serja u konsistenti. Mhux slogan għal ġimgħa, imma bidla kulturali. Meta persuna tmur għand psikologu, m’għandhiex tħoss li falliet, iżda għandha tħoss li qed tieħu ħsieb lilha nnifisha u lill-familja tagħha.
Dan kollu jeħtieġ investiment reali. Iva, investiment finanzjarju. Imma ejja nkunu onesti: kemm jiswielna meta ma ninvestux? Kemm tiswa produttività mitlufa? Kemm tiswa assenza fit-tul mix-xogħol? Kemm tiswa sistema tas-saħħa mgħobbija żżejjed minħabba problemi li setgħu ġew indirizzati kmieni?
Il-politika soċjali trid tkun kuraġġuża. Ma nistgħux nibqgħu nfaħħru tkabbir ekonomiku waqt li ninjoraw il-piż emozzjonali li qed iġorru n-nies. Tkabbir veru jfisser kwalità tal-ħajja aħjar. Il-kwalità tal-ħajja ma titkejjelx biss bil-Prodott Gross Domestiku, imma titkejjel bis-serħan il-moħħ tan-nies tagħna. Illum, bħala soċjetà, qegħdin f’mument deċiżiv.
Nistgħu nagħżlu li nibqgħu nitkellmu dwar is-saħħa mentali biss meta sseħħ traġedja. Jew nistgħu nagħżlu li ninvestu bis-serjetà fil-komunitajiet tagħna u nipprevjenu l-kriżijiet qabel ma jinqalgħu.
Jien nemmen li l-għażla għandha tkun waħda ċara: aktar psikologi fil-komunità, aktar prevenzjoni, aktar aċċessibbiltà, u aktar kuraġġ politiku. Għax soċjetà li tieħu ħsieb is-saħħa mentali tan-nies tagħha mhijiex soċjeta’ dgħajfa. Hija soċjetà b’saħħitha, reżiljenti u ġusta. U jekk irridu futur aktar sigur għal uliedna, irridu nibdew illum. Mhux b’wegħdi. Imma b’azzjoni konkreta.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 8 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

