Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali,
l-Identità Nazzjonali u d-Djalogu Interkulturali
Huwa dejjem tajjeb li dawk li jispiċċaw, jew jafu li ser jispiċċaw f’kawża, ikollhom mod ta’ kif jaslu fi ftehim qabel. Fis-sistema legali tagħna u ta’ diversi pajjiżi oħra ma tantx hemm importanza mogħtija lill-medjazzjoni. Forsi f’dan irid jingħad aħjar li hemm inqas fiduċja li ser tirnexxi minn dawk li s-soltu mdorrija jikkumbattu fil-Qorti u fl-aħħar li jkollhom sentenza.
M’hemmx biżżejjed kunfidenza proprju għax mhijiex parti mis-sistema legali u għalhekk ma tiġix użata għal kemm għandha saħħa u potenzjal. Hija ħasra li minkejja l-fatt li għandna Ċentru tal-Medjazzjoni, u li ilu għoxrin sena skorruti jaħdem fil-Qorti tal-Familja, għadna pass lura.
Fil-verità, il-kultura legali tista’ tinbidel jekk ikun hemm liġijiet li jistabbilixxu l-medjazzjoni f’aktar każijiet minn dawk marbuta mal-familja.
Hemm lok għaliha
Kien pass differenti mis-soltu dak li wassalna sabiex indaħħlu l-proċess tal-medjazzjoni bħala parti mis-sistema legali fil-kwistjonijiet marbuta mas-separazzjonijiet.
Kienet sfida xejn faċli u diversi kienu tal-parir kuntrarju. Disprezz u nuqqas ta’ piż favur, fil-loġika legali Maltija li din setgħet taħdem bejn il-poplu. Fis-sens li l-linja litiġjuża, dik li trid tikkumbatti kollox, jew inkella l-pika li takkumpanja dawn ix-xenarji żammew u daħlu ċerti barrieri.
Biss, issa li hemm riżultati tajba f’dak li l-medjazzjoni wettqet u għadha twettaq fil-kamp tal-familja, wieħed għandu janalizza mill-ġdid is-sitwazzjoni sabiex jara jekk għandux iwettaq passi oħra ’l quddiem.
Strument legali
Kif inhija s-sistema ġewwa dan il-kamp, hemm ċerti prinċipji kostituttivi li daħlu fil-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja.
L-ewwel: li kull ċittadin għandu dritt personali li jieħu sehem waħdu u ma jiddependix fuq oħrajn sabiex jidħol għaliha. It-tieni: li f’dan il-proċess hemm il-libertà assoluta li wieħed jieħu sehem, jew le. It-tielet: li l-medjaturi huma mħallsa għas-servizzi tagħhom mill-Istat. Dawn il-linji jfissru li, u kienu l-elementi li f’daqqa ġiebu ħidma qawwija sabiex flok kawża quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti, il-partijiet jaslu għal ftehim maqbul bejniethom.
Nirringrazzjaw, b’mod partikolari, lill-medjaturi; it-tieni, lill-Imħallfin, u t-tielet lill-avukati li servew u li qed iservu fis-sistema. Dawk li lkoll f’daqqa għamluha suċċess legali.
F’dawn is-snin twal kien hemm ’il fuq minn tletin elf koppja, jiġifieri sittin elf ruħ, li użaw dawn is-servizzi.
M’hemmx dubju
F’dan ma hemmx dubju li l-medjazzjoni rnexxiet u tista’ tkun iktar ta’ strument ta’ suċċess f’għelieqi legali oħra. Dan għax illum għandna ftit aktar għarfien tal-valur tal-medjazzjoni. Iktar u iktar meta għandna, l-ewwel, l-għodda taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni, imwaqqaf bil-Kapitolu 474 tal-Liġijiet ta’ Malta (2004), kif ukoll, it-tieni, il-kors universitarju li twaqqaf apposta biex jifforma l-medjaturi. Fuq dan wieħed jifhem li l-Gvern ippreżenta abbozz ta’ liġi biex jissoda dak li waqqafna għoxrin sena ilu.
Dan, minnu nnifsu, huwa pass pożittiv u li jagħmel ġieħ lill-Gvernijiet Nazzjonalista, li kellhom il-viżjoni sabiex dan isir. Il-medjazzjoni llum irridu nirreġistraw li ż-żewġ naħat tal-Kamra jaqblu li għandha tingħata iktar għodda legali biex twettaq ħidmietha aħjar. Proprju l-abbozz ta’ liġi li ġie diskuss f’dawn il-ġranet huwa f’dik id-direzzjoni. Proposti ġodda u differenti, fejn wieħed irid ikun attent li l-ispirtu liberu tal-medjazzjoni ma jintilifx. Ċertament, però, wieħed ma jistax jiġġudika qabel u jrid jara kif dawn ser jaħdmu, għalkemm il-linja hija ċara ħafna.
Nistgħu nimxu
Fil-liġi prinċipali diġà hemm il-poter sabiex il-Ministru tal-Ġustizzja jkun jista’ jistabbilixxi li kif daħlet il-medjazzjoni fil-kwistjonijiet marbuta mal-familja, dan il-proċess jista’ jidħol f’oħrajn. Hemm għalqa fertili, sija f’kawżi ta’ natura kummerċjali, kif ukoll f’dawk quddiem it-Tribunali għal Talbiet Żgħar. Jekk l-Istat jieħu fuqu l-ispejjeż marbuta ma’ ħidmet il-medjaturi naħseb li din tirnexxi.
Il-finanzi minfuqa fuq il-medjazzjoni huma dawk li bihom innaqqsu oħrajn. Jekk nagħrfu li meta kawżi f’dawn iż-żewġ setturi jdumu biex ikunu deċiżi, ikunu qed jixħtu lura l-proċess, speċjalment f’dak ekonomiku. Mhux biss, imma tkun qed tibni kultura iktar qawwija fost dawk li huma fin-negozju li huwa vantaġġjuż li jsir hekk.
Il-medjazzjoni tippermetti li informazzjoni sensittiva, jew li tagħti vantaġġ lill-kompetitur ta’ min ikun qiegħed fil-proċess ma toħroġx, imma tibqa’ kunfidenzjali.
Aktar minn hekk, tippermetti li ma jkunx hemm kumplikazzjonijiet li kawża ġġib magħha bejn bnedmin fin-negozju.
Kritika
Nammetti magħkom li dawn is-snin li fihom rajt il-medjazzjoni titwieled u titħaddem, jagħtuni sodisfazzjon kbir. Is-suċċess tagħha jixhduh kemm dawk il-bnedmin li ġew bżonnha, kif ukoll il-fatt li llum ma hemmx dubju li l-maġġoranza issa jaqblu magħha.
Kien mument diffiċli ħafna għalija, li kont għadni kif qbadt linja ta’ tibdiliet fil-Qrati tagħna, li sibt tant bnedmin kontra tiegħi. Għal ħafna żmien kont qed nikkumbatti waħdi, u nammetti li lanqas dawk li kienu fil-partit miegħi ma kienu qed joħorġu jdoqqu. Inkitbu artikli, saru dibattiti varji lkoll kontra sabiex din ma ssirx u ma taħdimx. Sibtni wkoll naqla’ attakki personali, li fihom ġejt deskritt f’termini xejn tajbin. Fortunatament dak il-mument issa ġie superat, proprju għaliex il-medjazzjoni sarrfet il-vantaġġi tagħha.
Ngħid ‘grazzi’ lill-perseveranza li kelli biex baqgħet hemm. U għalhekk kelli, bi pjaċir nara li maż-żmien kien hemm ferm iktar min kien favur u mxejna ’l quddiem
Nifhem
Illum nifhem aktar li dak li daħħalt jaħdem fis-16 ta’ Diċembru 2003 kien kunċett totalment ġdid, u billi ma kienx hemm esperjenza legali tiegħu, ma kienx tant konċepibbli jew aċċettabbli dak iż-żmien.
Dak li kelli u għad għandi fiduċja fih ried iż-żmien tiegħu tal-prova ma’ oħrajn. Illum, ċertament, minħabba l-prattika kostanti għal tnejn u għoxrin sena, din biddlet aktar. U f’dan kien tajjeb li l-medjazzjoni ma tintmissx, u titħalla taħdem għal perjodu twil. Li issa qed isiru numru ta’ emendi jafferma aktar il-valur tagħha, għalkemm jibqa’ l-fatt li trid dejjem kura u attenzjoni.
Hemm bżonn li jkun hemm min iħares dak li jiġi fis-seħħ sabiex jiġi assigurat li l-medjazzjoni taħdem fid-direzzjoni li rriduha, u mhux tieqaf.
Inħares lura
Fuq dan inħares lura u nagħraf li kien staġun ta’ bidliet li daħlu fis-seħħ. Dawk marbuta, fost diversi oħrajn, mal-użu tal-Ittri Uffiċjali Eżekuttivi, it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, kif ukoll dawk li ssudaw iċ-Ċentru Malti tal-Arbitraġġ. L-esperjenza li nġabret wieħed jista’ jkompli jaħdem fuqha, kif qed isir fil-medjazzjoni.
Nemmen li ċ-Ċentru Malti tal-Arbitraġġ għandu bżonn aktar fondi u aktar kwistjonijiet legali, bħal dawk marbuta ma’ inċidenti tat-traffiku, li jsibu ruħhom deċiżi hemm. L-istess għall-Ittra Uffiċjali Eżekuttiva, li tista’ tiġi ssudata iktar, u li t-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, li għalaq sbatax-il sena jaħdem (mill-1 ta’ Jannar 2009), li wkoll wera l-vantaġġi tiegħu, jista’ jiżdied fil-kompetenza tiegħu. Hemm ħafna xi jsir, u b’sodisfazzjon ngħid li kelli x-xorti li nkun parti minn dawk il-bidliet, li nittama li jibqgħu jiġu kkurati u ssudati għall-ġid tal-poplu tagħna.
F’dan kollu nibqa’ nemmen li d-dħul tal-medjazzjoni f’pajjiżna kien u għadu pass fid-direzzjoni t-tajba.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 10 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

