It-tmexxija tal-Istati Uniti u Iżrael qed iwasslu messaġġi kontinwi dwar is-suċċess tal-kampanja militari konġunta kontra l-Istat Iżlamiku tal-Iran, b’Washington jinsisti li mhu se jaċċetta xejn ħlief dikjarazzjoni uffiċjali ta’ telfa min-naħa ta’ Teheran. Dan meta l-Amerikani jridu wkoll li jagħżlu huma Gvern ġdid għall-Iranjani li fuq kollox ikun aċċettabbli għall-President Amerikan, Donald Trump.
Madankollu – u minkejja t-ton aggressiv tal-istqarrijiet min-naħa tal-Amerikani u l-Iżraeljani – l-Iran żgur li ma jistax jitqies bħala megħlub f’din il-gwerra li issa daħlet sew fit-tieni ġimgħa.
Dan meta l-Iranjani għadhom qegħdin jolqtu bi preċiżjoni numru ta’ bażijiet militari tal-Amerikani mxerrdin madwar il-Golf Persjan u meta għandhom ukoll arma sinifikanti minn aspett kummerċjali… dan minħabba li l-Iranjani, issa, għalqu l-aċċess għall-bastimenti mir-rotta (Strait) ta’ Hormuz minfejn il-vapuri jittrasportaw bejn 20 u 30 fil-mija taż-żejt lill-pajjiżi tad-dinja.
Is-sitwazzjoni hi mfissra bħala waħda fluwida, iżda l-Iran – li ftit jiem ilu ddikjara lil Mojtaba Khamenei bħala l-Mexxej Suprem suċċessur tal-Iran wara missieru, Ali Khamenei – qed jidher sod fiċ-ċirkustanzi. Dan ukoll fost allegazzjonijiet li r-Russja u ċ-Ċina qegħdin jgħinu minn taħt lill-Iranjani bħala alleati u bi sfida diretta għal Donald Trump li, fil-preżent, qed jiddikjara rebħa f’din il-gwerra mingħajr ma jissostanzja kliemu b’mod kredibbli.
Fl-aħħar sigħat, il-President Trump hedded lill-Iran li kien se jispiċċa suġġett għal ‘valanga aktar intensiva ta’ azzjonijiet militari’ f’sitwazzjoni fejn it-tmexxija f’Teheran tibqa’ tostakola l-movimenti tal-esportazzjonijiet taż-żejt mir-Rotta ta’ Hormuz.
Fl-istess ħin, iżda, diversi analisti qed ifissru l-ftaħir ta’ Trump bħala prematur fiċ-ċirkustanzi. Dan wara li Trump qal li ħafna mill-miri tal-gwerra huma konklużi u li l-pjan tal-gwerra miexi kif suppost.
Hu minnu wkoll li wara dawn ir-rimarki ta’ Trump, il-prezz globali taż-żejt – li fil-bidu tal-ġimgħa kien aktar minn 100 dollaru l-barmil – niżel għal 90 dollaru.
Jidher ukoll li Donald Trump u l-Gvern tiegħu qed jippruvaw jikkalmaw lis-swieq tad-dinja minkejja l-ħafna messaġġi konfużi u spjegazzjonijiet kontradittorji dwar il-kampanja militari kontra l-Iran.
//= $special ?>

