Sport

Se jipparteċipaw f’waħda mill-aktar sfidi impenjattivi taċ-ċikliżmu off-road

Luke Borg, Marc Alden, CEO, Deloitte; u Mark Bonnici

Iċ-Champion Nazzjonali Malti tal-Mountain Bike Luke Borg u ċ-ċiklist ta’ esperjenza Mark Bonnici se jipparteċipaw f’waħda mill-aktar sfidi, impenjattivi fid-dinja taċ-ċikliżmu off-road — l-Absa Cape Epic fl-Afrika t’Isfel.

Borg u Bonnici ser jkunu qegħdin jirrapreżentaw lil Malta taħt l-isem Epic Team Deloitte, f’kompetizzjoni li tinkludi wħud mill-aqwa ċiklisti professjonali tal-mountain bike fid-dinja.

It-22 edizzjoni tal-Absa Cape Epic, li ħafna jqisuha bħala t-“Tour de France tal-Mountain Biking”, hija tellieqa ta’ tmien stadji fi prova għall-parteċipanti sal-limiti tagħhom fl-aktar terreni imħarbta u spettakolari tar-reġjun tal-Western Cape fejn it-tellieqa ta’ tmien stadji tal-mountain bike klassifikata bħala Hors Catégorie mill-Union Cycliste Internationale.

Il-parteċipazzjoni hija mfittxija ħafna, b’postijiet allokati permezz ta’ sistema ta’ lotterija minħabba d-domanda kbira fejn Mark Bonnici kien ilu jipprova jakkwista post fit-tellieqa għal diversi snin fejn stieden lil Luke Borg biex jingħaqad miegħu għal din l-isfida.

Il-preparazzjoni għall-Absa Cape Epic kienet teħtieġ ippjanar estensiv lil hinn mit-taħriġ fiżiku. Filwaqt li kemm Borg u Bonnici qattgħu sigħat twal fuq ir-rota. Il-preparazzjoni kienet tinkludi wkoll koordinazzjoni loġistika, ippjanar nutrizzjonali u appoġġ finanzjarju biex il-parteċipazzjoni tkun possibbli.

Għal Bonnici, it-tellieqa tirrappreżenta l-qofol ta’ ambizzjoni li ilha miegħu għal żmien twil.

Borg u Bonnici mhux se jkunu l-uniċi ċiklisti Maltin fuq il-linja tat-tluq din is-sena. Etienne Bonello u Marie Claire Aquilina – Team Kalamba Racing se jirritornaw fl-Afrika t’Isfel għat-tieni tentattiv tagħhom filwaqt li Stephen Grima u Brandon Sultana – Team Gaudos, li fl-2025 saru l-ewwel parteċipanti Għawdxin li temmew il-Cape Epic, se jerġgħu jkunu parteċipanti ta’ din is-sena.

Ir-rotta ta’ 707 kilometri tal-Absa Cape Epic 2026 tibda fil-15 ta’ Marzu fejn Epic Team Deloitte huwa appoġġjat minn Deloitte.