Lokali

Stqarrija tal-Gvern stess tgiddeb lil Robert Abela – PN

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Il-Ministru tal-Finanzi jagħti raġun lill-PN li Abela gideb lill-pensjonanti

Ftit wara li x-Shadow Ministers tal-Partit Nazzjonalista kienu qed jindirizzaw lill-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet u jikxfu kif Robert Abela gideb lill-pensjonanti, stqarrija tal-Gvern ikkonfermat il-gidba.

Robert Abela ftit tal-jiem ilu qal li l-pensjonanti mhux se jħallsu lanqas ċenteżmu wieħed taxxa fuq id-dħul li għandhom apparti l-pensjoni – sew jekk hux minn investimenti, kirjiet, imgħaxijiet jew minn xogħol li qed jagħmlu wara l-età tal-pensjoni.

L-istqarrija tal-Ministru tal-Finanzi maħruġa ftit wara l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista tikkonferma kemm dak li qal Abela mhu xejn ħlief gidba għax tagħmilha ċara li kull pensjonant, fuq dħul ieħor, se jibqa’ jiġi ntaxxat kif qed jiġi ntaxxat ilum.

Tant li jgħid li “d-dħul l-ieħor (biss) li jkollu pensjonant, se jkun qiegħed jiġi intaxxat bir-rati normali”.

Robert Abela issa ġie mgiddeb darbtejn. L-ewwel mill-Avviż Legali 53 tal-2026 ippubblikat mill-Gvern, imbagħad mill-Ministru tal-Finanzi tiegħu stess permezz ta’ stqarrija.

Il-Prim Ministru għandu jitlob apoloġija lill-pensjonanti talli gidbilhom u pprova jgħaddihom biż-żmien.