Jidher li f’ħafna parroċċi, m’għadx hemm interess qawwi biex in-nies jattendu għall-eżerċizzi tar-Randan. Dwar dan tkellem b’mod apert is-saċerdot tal-Birgu Fr John Avellino, li ilu snin twal jaħdem f’din il-komunità.
Fil-Birgu, l-eżerċizzi tal-koppji bdew din il-ġimgħa. U xi ħadd ġietu l-idea li bħala pubbliċità, jiktbu biż-żebgħa fil-paviment tal-Pjazza tal-Birgu … “EŻERĊIZZI LLEJLA 6:30PM”.
“Minkejja s-sogru li ħadna li naqilgħu xi multa mill-Kunsill Lokali, kienu ftit dawk il-koppji u miżżewġin li ġew għall-eċerċizzi. Forsi b’kollox kien hemm 12-il koppja l-knisja lbieraħ filgħaxija, l-ewwel jum tal-eżerċizzi. Ħasra, għaliex għandna predikatur tajjeb”, spjega Fr John.
Hu spjega li tqassmu diversi karti u anke bagħat kważi 400 email u SMSs biex jagħmel stedina personali lil ħafna koppji li jsegwi u li jaf – imma l-istedina tiegħu u tal-parroċċa jidher li ma ngħatatx widen. “Emmnuni, tasal biex taqta’ qalbek”, kiteb dan is-saċerdot fuq il-media soċjali.
L-eżerċizzi fil-Birgu, fil-Knisja ta’ San Lawrenz, se jkomplu llum it-Tlieta, l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa, meta bħala parroċċa jagħmlu l-pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur. Dan filwaqt li diversi parroċċi f’dawn il-jiem ikunu qed jorganizzaw sessjonijiet ta’ eżerċizzi għal żmien ir-Randan Imqaddes.
//= $special ?>

