Lokali Qorti

Erba’ irġiel illiberati minn akkużi relatati ma’ stupru li dam għaddej snin twal

Mark Lorry Said, Peter Paul Said, Josef Said u Peter Paul debono li kienu akkużati bi stupru li kien ilu għaddej 18-il sena, ġew illiberati mill-Qorti tal-Appell Kriminali.

L-Erba’ rġiel kienu qed jaffaċċjaw akkużi serji li kienu jinkludu allegazzjonijiet serji ta’ korruzjoni ta’ minuri, sekwestru illegali u stupru relatati ma’ tifla li kellha 14-il sena. Każ li imur lura għas-sena 2008 u kien allegat li seħħ f’diversi postijiet fin-Nadur Għawdex.

Fis-27 ta’ Awwissu 2008, il-pulizija rċeviet ittra anonima li fiha kien hemm miktub li diversi rġiel kienu qed jabbużaw minn tifla u li l-ġenituri kienu qed jiġu offruti flus biex jibqgħu siekta – somma li tammonta għal xejn inqas minn 7,000 ewro minn Reuben Said.Apparti minn hekk huwa wiegħed ukoll li jħallas psikologu privat u vaganza għat-tifla.

Irriżulta li t-tifla kienet għamlet rapport lil għalliema fl-iskola ta’ fejn kienet tattendi u fit-2 ta’ Settembru 2008, l-aġenzija soċjali tal-Appoġġ għamlet rapport.

Fl-14 ta’ Settembru tal-2008, l-pulizija, immexxija mill-Ispettur Graziella Muscat, tkellmet mal-vittma u semmietilhom tliet irġiel iżda rrifjutat li ssemmi r-raba’ wieħed (Debono) sakemm ġiet ippressata minn ommha u zijuh.

Is-sentenza segwiet appell mill-Avukat Ġenerali kontra deċiżjoni ta’ qorti inferjuri fl-2025 li kienet diġà lliberat lill-biċċa l-kbira tal-akkużati mill-akkużi l-aktar gravi, filwaqt li ordnat lil wieħed minnhom 50 siegħa xogħol fil-komunita wara li sabitu ħati ta’ reat kontra l-morali pubblika.