Lokali

“Gvern ġdid Nazzjonalista se jkompli jinċentiva l-investiment” – Alex Borg

“Irridu nassiguraw li l-iżvilupp u l-investimenti fis-settur tal-avjazzjoni jibqgħu iħarsu l-interess nazzjonali u joffru servizz ta’ kwalità lill-passiġġieri u lill-ħaddiema.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg waqt żjara li għamel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn intlaqa’ mic-CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg li dawru mal-faċilitajiet – inkluż is-security screening area, id-Duty Free, id-departures, il-gates u l-ħwienet.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, iltaqa’ wkoll mal-ħaddiema, li lkoll iddiskutew miegħu l-aspirazzjonijiet li għandhom biex ikomplu jimirħu f’dan is-settur tant importanti għal pajjiżna.

F’kummenti lil Net News, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, stqarr li l-Ajruport huwa infrastruttura kruċjali għall-ekonomija Malta speċjalment għat-turiżmu u l-konnettività ta’ pajjiżna – li għandha tkompli tiġi żviluppata fit-tul.

Min-naħa tiegħu ic-CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg kellimna dwar il-fażi li waslu fiha l-proġetti ta’ infrastruttura fl-ajruport – inkluż it-terminal il-ġdid li mistenni li jitlesta sas-sena 2028 u l-estensjoni tac-check in area li se titlesta s-sena li ġejja.

Għal din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Ryan Callus, Ivan Castillo, Mario Demarco, Darren Carabott u l-kandidat Duncan Borg Myatt.