Internazzjonali

Il-Gwerra mal-Iran: Azzjonijiet militari aktar intensivi fost sitwazzjoni gravi ħafna madwar ir-Rotta ta’ Hormuz

FIt-Tnax-il jum tal-Gwerra tal-Iran kien karatterizzat bl-isparaturi tal-missili fuq livell aktar intensiv mill-ġranet ta’ qabel… ġurnata fejn l-attakki konġunti tal-qawwiet Amerikani u Iżraeljani fuq Teheran kienu bilanċjati bl-isparar tal-Iranjani fuq l-Istati ġirien tal-Golf fejn hemm il-bażijiet militari tal-Amerikani.

Fil-burraxka mill-Iran intlaqtu wkoll numru ta’ raffineriji tal-fuel tal-ġirien, fost it-theżżiż għall-iswieq tal-enerġija madwar id-dinja u f’sitwazzjoni fejn jinsab kważi wieqaf it-trasport tal-fuel mir-rotta ta’ Hormuz… rotta tal-baħar mill-aktar kruċjali għall-movimenti tal-kunsinni tal-enerġija.L-Istati Uniti qalet li qerdet tal-anqas 20 vapur tal-Iranjani li kienu qed iqiegħdu l-mines viċin ir-Rotta ta’ Hormuz minfejn jgħaddu bejn 20 u 30 fil-mija tal-esportazzjonijiet taż-żejt fuq livell globali.

Id-deputati parlamentari Iranjani, madankollu, qegħdin jheddu li jimblukkaw dik ir-rotta partikulari, fost stqarrija li ‘mhumiex se jippermettu li jgħaddi mqar litru ta’ żejt mhux raffinat minn dik iz-zona.

Fl-aħħar sigħat, sadanittant, kien irrappurtat li tliet bastimenti kummerċjali ġarrbu l-ħsarat wara li ntlaqtu mill-isparaturi li s-sors tagħhom ma kienx identifikat formalment… inċident inkwetanti ieħor fir-Rotta ta’ Hormuz.

F’din is-sitwazzjoni, kienu għaddejjin l-isforzi biex isalvaw numru ta’ baħrin fuq wieħed mill-vapuri milquta – bil-President Amerikan Donald Trump iwissi li l-qawwiet tiegħu se jkunu qed iwettqu kaċċa kontinwa għall-vapuri tal-Iranjani li jqiegħdu l-isplussivi qalb iz-zona marittima partikulari.

L-inċertezza għadha qawwija anki waqt li l-Istati Uniti qed tikkunsidra li tibgħat ukoll il-kontinġenti tas-suldati u morini biex jiġġieldu fil-gwerra tal-Iraq.

Fl-istess ħin, l-Iran qed ikompli juri l-qawwa militari tiegħu bl-isparaturi kważi bla waqfien tal-missili u drones li qegħdin jidhru bla limitu fiċ-ċirkustanzi.

Dan waqt li s-sistemi ta’ difiża fl-Istati tal-Golf, fosthom il-Qatar, l-Arabja Sawdija u l-Kuwajt, mill-ġdid irnexxielhom jinterċettaw numru sinifikanti ta’ missili sparati mill-Iran – għalkemm kien hemm ukoll każi fejn missili oħrajn laqtu direttament lill-artijiet speċifiċi.

L-indikazzjonijiet huma li l-Istati tal-Golf qed jippreparaw forma ta’ koalizzjoni kontra l-Iran iżda għalissa mhux magħruf jekk din għandhiex tibbaża fuq sistema ta’ forza militari konġunta għall-iskopijiet ta’ difiża kollettiva.

Intant, il-pajjiżi tal-Golf qed jaqblu li din is-sitwazzjoni ma tistax tkompli – anki fost rapporti dwar diversi midruba mid-drones tal-Iranjani li, fl-aħħar sigħat, laqtu artijiet viċin l-ajruport ta’ Dubaj. Dan kien it-tieni attakk bid-drones fuq l-inħawi fi ġranet konsekuttivi.

Assedju kontinwu fuq il-Heżbollah fil-Libanu

Min-naħa tiegħu, Iżrael mhux iżomm lura mill-attakki fuq l-Iran kif ukoll fuq il-milizji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu… gupp li ilu s-snin jirċievi l-armamenti u l-finanzi mingħand l-Iranjani.

L-Iżraeljani, fit-tnax il-jum tal-gwerra, reġgħu konċentraw l-attakki fuq iċ-ċentri tal-kontroll tal-Ħeżbollah f’Bejrut u mal-periferiji tal-kapitali Lebaniża.

Dawn l-attakki, fil-fatt, seħħew waqt il-mewġa aktar intensiva ta’ azzjoniijiet militari kontra l-milizji li, fil-passat, iġġieldu diversi gwerer ma’ Iżrael.

Ir-rapporti minn Bejrut irreferew ukoll għall-missili li laqtu bini tal-appartamenti fiċ-ċentru tal-kapitali. Ma kienx magħruf, intant, jekk l-attakk partikulari ħalliex il-vittmi ċivili.