Il-Qorti reġgħet ikkundannat lill-Partit Laburista f’każ ieħor marbut mal-każini politiċi – din id-darba, il-każin Laburista ta’ Santa Venera. Biex issa, ingħatat deċiżjoni finali wara li kien sar appell.
Il-Każin Laburista ta’ Santa Venera jinsab fit-triq ewlenija, fi propjetà li kienet ilha snin okkupata mil-Labour. U kmieni filgħodu, inħarġet ordni biex il-Partit Laburista jiżgombra dan il-każin fi żmien 40 ġurnata.
Waqt li ngħatat din id-deċiżjoni, l-Imħallef Wenzu Mintoff talab lill-avukat tal-Partit Laburista Andre Borg u lill-avukat Edward Debono li deher għas-sidien ta’ din il-proprjetà sabiex jiddikjaraw li huma għandhom fiduċja fil-Qorti. U fil-fatt huma hekk għamlu.
Dan il-każ jiżdied ma’ diversi sitwazzjonijiet oħrajn ta’ każini li ġew okkupati mill-Partit Laburista sa mis-snin sebgħin.
Ix-xahar li għadda, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale, kienet ordnat lill-Avukat tal-Istat iħallas is-somma ta’ aktar minn €250,000 f’kumpens lis-sidien li l-proprjetà tagħhom kienet qed tintuża bħala każin Laburista fil-Belt Valletta.
Dawn il-kumpensi issa laħħqu mal-miljun ewro u nofs fit-total tagħhom.
Fil-fatt, kien hemm numru ta’ kawżi li stabbilixew ksur tad-drittijiet fundamentali, kaġun ta’ storja ta’ anarkija fil-Labour tul is-snin – każijiet fost l-oħrajn relatati ma’ każini Laburisti f’Birżebbuġa, Tal-Pieta, Ħal Lija, iż-Żurrieq, Ħal Qormi u anke Raħal Ġdid.
//= $special ?>

