Internazzjonali

Il-qawwiet Ukreni jolqtu aktar faċilitajiet militari tar-Russja skont l-istrateġija ta’ Zelensky

Il-qawwiet tal-Ukrajna qed ikomplu bl-attakki fuq il-faċilitajiet militari tar-Russja meta l-invażjoni tal-artijiet Ukreni mill-militar tal-Kremlin, issa, daħlet sew fir-raba’ sena. Fil-fatt, l-Ukreni, fl-aħħar sigħat, laqtu waħda mill-aktar fabbriki importanti tar-Russja li fost oħrajn tipproduċi l-komponenti tal-missili.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li l-qawwiet tiegħu se jkomplu bl-istrateġija biex jeqirdu s-siti li jipproduċu l-missili li qegħdin jolqtu lill-ibliet u villaġġi tal-Ukrajna bħala parti mill-kampanja ta’ terrur tal-President Russu, Vladimir Putin.

Mifhum li l-Ukreni użaw il-missili Storm Shadow ipprovduti lilhom mir-Renju Unit biex jolqtu lill-impjant ta’ Kremniy El fir-reġjun ta’ Bryansk, viċin il-fruntiera mal-Ukrajna.

Ir-Russja qed tfisser dan l-attakk bħala wieħed ‘terroristiku’ fost ir-rapporti li nqatlu madwar għaxar ċivili b’50 oħra jisfaw midruba.

Min-naħa tiegħu, Dmitry Peskov, il-kelliem ewlieni għal Vladimir Putin, akkuża lir-Renju Unit dwar sehem dirett fil-gwerra tal-Ukrajna waqt li tenna li l-attakk fuq il-faċilità inkwistjoni  kien ikun impossibbli mingħajr l-ispeċjalisti Britanniċi.

Peskov għamilha ċara wkoll li r-Russja se tkompli bil-kampanja militari speċjali kontra l-Ukrajna – b’Moska għadha tuża l-kelma ‘kampanja’ biex tirreferi għall-invażjoni ta’ pajjiż sovran mill-militar tagħha u li kien ordna Putin fl-24 ta’ Frar tal-2022.

Ir-Russja, fi kliem Putin, qed tinsisti li d-demilitarizzazzjoni eventwali tal-Ukrajna hi  fost l-iskopijiet ewlenin ta’ din il-kampanja.

Madankollu, hu minnu li l-Ukrajna qed tkompli tirċievi l-għajnuna mingħand il-Punent – b’mod partikulari l-armamenti sofistikati li jistgħu jintużaw għal difiża kif ukoll għall-azzjonijiet diretti kontra l-interessi tar-Russja.

Intant, ir-Russja qed tirċievi l-għajnuna mingħand l-alleati tagħha… għajnuna li fost oħrajn tinkludi  d-drones li qed jipproduċi l-Iran u li wieħed minnhom intuża waqt attakk, sigħat ilu, fuq il-belt Ukrena ta’ Kharkiv li fih inqatlu u ndarbu numru ta’ ċivili.

Intant, il-gwerra  tinsab ftit jew wisq staġnata, bir-Russi jagħmlu biss avvanzi żgħar ħafna fuq il-fronti tal-battalja fl-Ukrajna. Min-naħa tagħhom, l-Ukreni qalu li qed jieħdu lura aktar artijiet li kienu tilfu, xhur ilu, lit-truppi ta’ Putin.

Fl-istess ħin, l-isforzi diplomatiċi mistennija jidħlu dalwaqt f’fażi ġdida.

Fil-fatt, il-President Zelensky qal li rawnd ieħor ta’ taħditiet bejn ir-rappreżentanti ta’ pajjiżu u r-Russja — u bl-inklużjoni tal-Amerikani bħala medjaturi – għandhom isiru matul il-ġranet li ġejjin. Proċess li qed jitmexxa mill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, li hu determinat biex jikkonkludi din il-gwerra b’mod  jew ieħor.