Internazzjonali

Ir-Renju Unit jipprojbixxi marċ Pro-Iranjan ippjanat f’Londra

Ir-Renju Unit imblokka marċ pro-Iranjan li kien ippjanat f’Londra. Dan minħabba biża’ ta’ diżordni pubblika serja f’kuntest tat-tensjonijiet dejjem jikbru marbuta mal-kunflitt kontinwu fl-Iran.

Id-deċiżjoni ġiet approvata minn Shabana Mahmood wara talba mis-Servizz tal-Pulizija Metropolitana.

L-awtoritajiet wissew li l-kobor tal-protesta li kienet ippjanata, flimkien ma’ diversi dimostrazzjonijiet ta’ dawk li huma kontra l-Istat Iranjan, kienu se jġibu riskju sinifikanti għas-sigurtà pubblika.

Filwaqt li l-marċ innifsu ġie pprojbit, il-Pulizija qalu li protesta f’post partikolari bin-nies weqfin tista’ ssir taħt kundizzjonijiet stretti.

Sadanittant, it-tensjonijiet jibqgħu jiżdiedu fil-Lvant Nofsani hekk kif il-gwerra bejn l-Iran, l-Amerikani, u Iżrael qed tkompli tiggrava. Jidher li fl-aħħar sigħat, il-forzi Amerikani attakkaw diversi bastimenti Iranjani li jpoġġu mini qrib iz-zona ta’ Hormuz – wara li vapuri tal-merkanzija ġew milquta minn attakki f’dawn l-istess inħawi.