Lokali

“Ir-rispett lejn il-ġenituri u ħajja sana huma kruċjali” – Alex Borg

Ritratt: Martin Agius

“Attivitajiet bħal dawn huma kruċjali għal kull student li jkun beda jaħseb fil-mument meta se jkun qed jidħol fid-dinja tax-xogħol – ġranet bħal ta’ din ix-xorta huma xhieda ta’ kemm iż-żgħażagħ għandhom potenzjal sabiex jilħqu l-milja tagħhom xprunati mill-għalliema u l-ġenituri.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg hekk kif l-Erbgħa filgħodu kien mistieden sabiex jattendi għal Careers Day organizzata mill-Kulleġġ De La Salle fil-Birgu fejn iltaqa’ ma’ bosta studenti lkoll kemm huma interessati jsiru jafu aktar mill-viċin lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello, Alex Borg żar diversi stands li kienu qed jipparteċipaw f’din l-expo, uħud minnhom saħansitra eks student Lasalljani li xorta waħda sena wara oħra jibqgħu jagħtu s-sehem tagħhom lil dan il-Kulleġġ li tul is-snin preċdenti, fis-snin ta’ formazzjoni tagħhom offra lilhom dawn l-opportunitajiet hekk kif din hija t-23 edizzjoni ta’ Careers Day fil-Kulleġġ De La Salle.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iltaqa’ ma’ diversi ħaddiema, ġenituri u setgħa jara l-interess ta’ dawn l-istudenti sabiex ikunu jafu aktar dwar diversi professjonijiet hekk kif jinsabu proprju f’mument fil-ħajja tagħhom fejn waslu biex jiddeċiedu liema studji se jkunu qed jiffokaw fuqhom bil-għan li fil-ġejjieni jibdew jirfsu passejhom fid-dinja tax-xogħol.

Inizjalment, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu laqgħa mat-tmexxija tal-iskola, fejn flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela, iddiskutew il-ħidma li qed issir fi ħdan il-Kulleġġ De La Salle fit-traġitt edukattiv tal-istudenti. Aktar tard il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ipparteċipa f’sessjoni ta’ Q&A fejn uħud mill-istudenti għamlu domandi kemm lilu kif ukoll lill-Prim Ministru dwar fost oħrajn x’jispirahom u l-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jinsisti dwar il-ħtieġa tar-rispett lejn il-ġenituri u l-qraba kif ukoll l-importanza ta’ ħajja sana