F’rapport adottat’, il-MPE jgħidu li t-tkabbir huwa rispons strateġiku għar-realtà ġeopolitika li qed tevolvi u investiment vitali fis-sigurtà u l-istabbiltà tal-UE.
Il-Parlament jargumenta li l-kost tan-nuqqas ta’ tkabbir jaqbeż dak tas-sħubija ta’ membri ġodda fl-UE. nuqqas ta’ tkabbir jirriskja wkoll il-ħolqien ta’ żoni griżi ġeopolitiċi vulnerabbli għal influwenza barranija antagonistika.
Ir-rapport jinnota li l-Montenegro u l-Albanija diġà stabbilew objettivi ambizzjużi għall-konklużjoni tan-negozjati tal-adeżjoni tagħhom sa tmiem l-2026 u l-2027 rispettivament. L-UE għandha tinkoraġġixxi lil dawn il-pajjiżi, meta l-ambizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn riformi tanġibbli, bil-MPE jappellaw lill-Kunsill biex jirrikonoxxi dan il-momentum u jneħħi kwalunkwe ostaklu li hemm min-naħa tal-UE. Il-MPE jridu wkoll il-ftuħ rapidu ta’ raggruppamenti ta’ negozjar mal-Ukrajna u l-Moldova.
L-adeżjoni trid tibqa’ bbażata fuq il-mertu u tkun riversibbli
Filwaqt li jaffermaw mill-ġdid li l-adeżjoni trid tibqa’ bbażata fuq il-mertu u riversibbli, u li l-ebda pajjiż ma għandu jiġi ttrattat bħala parti minn pakkett, il-MPE jenfasizzaw li ma jistax ikun hemm shortcuts fuq il-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-UE. L-istat tad-dritt, ir-riformi demokratiċi, il-libertà tal-mida, id-drittijiet tal-minoranzi, l-indipendenza ġudizzjarja, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jridu jibqgħu fuq quddiem nett tal-proċess tat-tkabbir, flimkien ma’ appoġġ sostnut għas-soċjetà ċivili.
L-allinjament mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal-UE huwa indikatur ewlieni tal-orjentazzjoni ġeostrateġika ta’ pajjiż kandidat. Il-MPE jinnotaw li l-aktar rigress demokratiku inkwetanti qed iseħħ fil-pajjiżi tat-tkabbir bl-aktar allinjament baxx mal-PESK, u f’dawk fejn il-proċess ta’ adeżjoni effettivament waqaf. Il-MPE jinnotaw żieda fl-appoġġ għas-sħubija fl-UE fl-Iżlanda, u jilqgħu inizjattivi potenzjali minn Greenland biex issaħħaħ ir-rabtiet tagħha mal-UE.
Monitoraġġ tar-riformi
Il-MPE qed jappellaw għal monitoraġġ imsaħħaħ tar-riformi fil-pajjiżi kandidati taħt ir-“raggruppament tal-elementi fundamentali” u għal appoġġ imsaħħaħ għall-atturi tas-soċjetà ċivili favur l-UE li huma impenjati għar-riformi u l-valuri Ewropej meħtieġa.
Ir-rapport jgħid ukoll li għandu jkun hemm finanzjament adegwat ta’ qabel l-adeżjoni mill-baġit fit-tul il-ġdid tal-UE u kooperazzjoni aktar profonda dwar l-infrastruttura, is-sigurtà, ir-reżiljenza u l-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni minn barranin.
Ir-rapport ġie adottat b’385 vot favur, 147 kontra u 98 astensjoni.
//= $special ?>

