Lokali

Kandidat wieħed għall-elezzjoni tar-Rettur tal-Università

Għall-elezzjoni tar-Rettur tal-Università, hemm kandidat wieħed – il-Professur Frank Bezzina. L-elezzjoni hi mistennija ssir aktar tard dan ix-xahar.

Hu rċieva 15-il nominazzjoni mill-membri tal-Kunsill għall-elezzjoni tar-Rettur.

Il-Prof. Frank Bezzina li bħalissa hu Pro-Rettur għall-Iżvilupp Internazzjonali u l-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Università ta’ Malta, wara li qabel serva bħala Dekan u Viċi Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, il-Ġestjoni u l-Kontabbilità, u Kap tad-Dipartiment tal-Ġestjoni.

Hu jgħallem prinċipalment fix-Xjenza tal-Ġestjoni u l-Ġestjoni bbażata fuq l-evidenza. Ir-riċerka tiegħu tiffoka fuq l-investigazzjoni ta’ fenomeni fix-Xjenzi Organizzattivi. Huwa ppubblika artikli f’diversi ġurnali internazzjonali ta’ reputazzjoni.

In-nominazzjonijiet ġew sottomessi qabel l-iskadenza stabbilita ta’ nofsinhar tal-lum l-Erbgħa 11 ta’ Marzu 2026.

Issa se tissejjaħ laqgħa straordinarja tal-Kunsill nhar il-Ħamis 26 ta’ Marzu, fejn il-membri tal-Kunsill, ippreseduti mill-President tal-Kunsill, il-Perit Karmenu Vella, se jivvutaw b’vot sigriet u f’laqgħa magħluqa biex jagħmlu l-għażla tagħhom u jeleġġu r-Rettur għal mandat ta’ ħames snin.

Peress li hemm kandidat wieħed biss, il-Prof. Bezzina jkollu bżonn jikseb mill-inqas 50% + 1 tal-voti tal-membri preżenti waqt il-laqgħa tal-Kunsill sabiex jiġi elett.

Il-kandidat se jintalab jagħmel preżentazzjoni u jwieġeb mistoqsijiet mill-membri tal-Kunsill matul din il-laqgħa straordinarja.

Ir-Rettur li jmiss se jkun it-82 wieħed fl-istorja twila tal-Università, u se jissostitwixxi lill-Prof. Alfred J. Vella li ilu fil-kariga għal dawn l-aħħar għaxar snin.