Lokali Qorti

Kappillan spiċċa l-Qorti minħabba d-daqq tal-qniepen

Il-kappillan ta’ Ħal Kirkop, Fr Martin Cardona, ġie liberat mill-Qorti wara li spiċċa akkużat b’fastidju fuq ġar partikolari minħabba d-daqq tal-qniepen tal-knisja.

Il-każ inqala’ wara li dan il-ġar bena penthouse madwar tmien metri biss ’il bogħod mill-kampnar prinċipali tal-knisja – u aktar tard ressaq ilment dwar id-daqq tal-qanpiena.

Mill-provi fil-Qorti rriżulta li fil-passat il-qanpiena kienet iddoqq kull kwarta; iżda din il-prattika kienet ġiet mibdula sabiex id-daqq isir biss f’ħinijiet partikolari matul il-ġurnata.

Intqal ukoll li għal xi żmien il-qanpiena kienet waqfet minħabba ħsarat. U riċentement ġiet installata sistema mekkanizzata ġdida għad-daqq tal-qniepen – li tħaddem il-qanpiena b’intensità inqas.

Fil-konklużjoni tagħha, il-Maġistrat Monica Vella osservat li d-daqq tal-qniepen tal-knisja ma jista’ qatt jitqies bħala reat ta’ fastidju, u għalhekk illiberat lil Fr Martin Cardona minn kull akkuża.

Għal Fr Martin deher l-avukat Stefano Filletti.