Lokali Qorti

Keith Pace u l-familja tiegħu jinżammu arrestati

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Keith Pace ta’ 45 sena minn Santa Venera, is-sieħba tiegħu Maria Grixti ta’ 49 sena mill-Marsa u ż-żewġ aħwa Carlos Pace u Cleaven Pace ta’ 24 sena u 20 sena rispettivament. Dawn l-erba’ akkużati qed jiffaċċjaw proċeduri kriminali b’rabta ma’ użura u ħasil ta’ flus.

It-talba tagħhom għal bail ġiet miċħuda għat-tielet darba.

Dan kollu ġie kkonfermat wara li waqt kumpilazzjoni tax-xhieda li saret it-Tlieta fil-Qorti, ġie żvelat kif Keith Pace għandu madwar għaxar proprjetajiet mixtrija jew mikrija f’ismu u f-isem missieru.

Hu diġà tessaq quddiem il-Qorti madwar 40 darba b’rabta ma’ numru ta’ reati.

Min-naħa tagħha, il-Qorti qalet li t-talba għall-ħelsien mill-arrest qed tiġi miċħuda minħabba n-natura tar-reati u l-biża’ ta’ tbagħbis fil-provi.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li missier Kieth, Lawrence Pace, ħadem biss sitt snin f’ħajtu kollha, waqt li fuq ismu għandu rreġistrati numru ta’ vetturi, inkluża Jaguar.

Ommu, Emanuela, avolja m’għandhiex liċenzja tas-sewqan, għandha 16-il karozza wkoll fuqha, fosthom Corvette. Iż-żewġ anzjani qed jiffaċċjaw ukoll akkużi serji ta’ ħasil ta’ flus wara raid li kien sar fil-Marsa x-xahar li għadda.

Għall-aħwa u l-missier qed jidhru l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit filwaqt li għall-anzjani dehru l-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri.

Il-prosekuzzjoni tinsab f’idejn l-Ispettur Lianne Bonello flimkien mal-Avukati Neville Galea u Michael Muscat f’isem l-Avukat Ġenerali.