Internazzjonali

L-Iżvizzera: Imutu qalb in-nirien fuq xarabank

Il-Pulizija fl-Iżvizzera qed tinvestiga l-kaġun ta’ nirien li ħakmu karozza tal-linja, bir-riżultat li mietu tal-anqas sitta – b’ħafna oħrajn midruba.

L-inċident seħħ fil-canton ta’ Fribourg, fiċ-ċentru ta’ Kerzers, lejn il-Punent tal-pajjiż u li jinsab madwar 20 kilometru biss ‘il bogħod minn Berne, il-belt kapitali tal-Iżvizzera.

Uħud fost il-midruba, fl-aħħar sigħat, kienu għadhom l-isptar għall-kura, bl-awtoritajiet lokali jsostnu li l-inċident hu l-agħar ta’ dan it-tip għal ħafna snin.

Qed jidher ukoll element kriminali għaliex minkejja li l-kaġun tan-nirien baqa’ mhux magħruf, il-Pulizija żvelat ‘numru ta’ indikazzjonijiet li n-nirien setgħu tqabbdu apposta’.

Rapporti oħra, mhumiex ikkonfermati, sostnew li persuna kien ‘inħasel bil-fuel’ sekondi qabel l-inċident, bil-Pulizija qed tinvestiga jekk din il-persuna xprunatx l-inċident qattiel.

Madankollu, u minkejja s-sinjali li l-azzjoni kienet waħda intenzjonali, ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ xi ħsieb terroristiku…. fattur li enfasizzaw il-kelliema għall-Pulizija ta’ Fribourg.

  •