Opinjoni

Opinjoni: Id-Dinja Diġitali fl-Edukazzjoni

Għalkemm l-innovazzjoni teknoloġika tista’ tarrikkixxi l-esperjenza edukattiva, id-dibattitu dwar din it-tranżizzjoni qiegħed jiżdied sew fl-aħħar xhur

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

Malta, bħal ħafna pajjiżi oħra, qed timxi b’pass mgħaġġel lejn sistema edukattiva aktar diġitali. Bl-introduzzjoni tat-‘tablets’ u tal-‘laptops’ fil-klassijiet, b’diversi pjattaformi online u riżorsi diġitali oħra, bil-mod il-mod qed naraw tranżizzjoni (forsi naturali) li qiegħda dejjem aktar tieħu post it-tagħlim tradizzjonali, anke jekk l-istil tat-tagħlim f”Malta jibqa’ litteralment ikkakkmat mat-tradizzjoni.
Għalkemm l-innovazzjoni teknoloġika tista’ tarrikkixxi l-esperjenza edukattiva, id-dibattitu dwar din it-tranżizzjoni qiegħed jiżdied sew fl-aħħar xhur. Mhux darba u tnejn argumentajt dwar dan it-tħassib, li jasal għandi minn għalliema, edukaturi u ġenituri fost l-oħrajn.
Inqis li rridu nwieġbu mistoqsija importanti ħafna: Malta tista’ timxi b’pass daqstant mgħaġġel lejn id-diġitalizzazzjoni mingħajr l-infrastruttura u l-bilanċ edukattiv meħtieġ?
It-teknoloġija bla dubju toffri diversi vantaġġi fil-klassi. Il-pjattaformi diġitali jippermettu lill-għalliema jaċċessaw kontenut ta’ ‘multimedia’, eżerċizzji interattivi u għodod ta’ kollaborazzjoni li jistgħu jagħmlu t-tagħlim aktar interessanti u aktar faċli. L-istudenti jistgħu jaċċessaw ammont kbir ta’ informazzjoni online (għalkemm dan mhux neċċessarjament qiegħed isir), jaħdmu fuq proġetti kondiviżi u jiżviluppaw ħiliet diġitali li huma dejjem aktar essenzjali fis-soċjetà moderna.
Fil-prinċipju, dawn l-iżviluppi għandhom jintlaqgħu b’mod pożittiv. Madankollu, il-kwistjoni prinċipali mhix jekk it-teknoloġija għandhiex tintuża fl-iskejjel, iżda kif tintuża u f’liema stadju tal-iżvilupp tat-tfal għandha tintuża u kif. Il-periklu jinsab meta nistrieħu wisq fuq l-apparat diġitali u ninsew il-metodi fundamentali tat-tagħlim bħall-qari, il-kitba bl-idejn u l-iżvilupp tal-ħsieb kreattiv. Il-kreattività ma għandhiex tkun neċċessarjament attribwita lid-dinja diġitali biss.

Infrastruttura meħtieġa
F’Malta, jidhirli li l-infrastruttura meħtieġa għal sistema kompletament diġitali għadha mhix biżżejjed, u għadha lura sewwa. Il-klassijiet tagħna ma għandhomx il-bażiku (ħafna minnhom għandhom fi stat infrasttrutturali ħażin tassew), u dan juri li qed naqbżu l-prijoritajiet essenzjali. Tkellimt kemm-il darba dwar il-problemi ta’ konnettività, ta’ aċċess mhux uniformi għall-apparat u livelli differenti ta’ kompetenza diġitali fost l-edukaturi li qegħdin joħolqu diversi inugwaljanzi bejn skejjel u studenti. La darba din it-tranżizzjoni mhux qed tiġi immaniġġjata bi ħsieb ħolistiku (akbar mill-partiġġjaniżmu), id-diġitalizzazzjoni biż-żmien tista’ faċilment issir aktar ta’ ostaklu milli għodda ta’ tagħlim.
Aktar minn hekk, diversi studji jissuġġerixxu li l-mezz li bih l-istudenti jaqraw jew jistudjaw jista’ jinfluwenza kif jipproċessaw l-informazzjoni. Riċerka li tqabbel il-qari fuq il-karta ma’ dak fuq l-iskrin tippreżenta riżultati mħallta, iżda ħafna studji juru vantaġġi żgħar għall-qari tradizzjonali fuq il-karta, speċjalment meta t-test ikun twil jew kumpless.
Ir-riċerkaturi jsostnu li l-kotba stampati jinkoraġġixxu qari aktar kajman u profond, filwaqt li l-iskrins kultant iwasslu għal qari aktar mgħaġġel u superfiċjali anke minħabba l-konnessjoni bejn l-għaġla tal-‘iscrolling’ u l-qari min fuq ‘device’ elettroniku.
Din id-differenza hija partikolarment importanti meta wieħed jikkunsidra studenti żgħar. Tfal li għadhom qed jiżviluppaw il-ħiliet bażiċi tal-qari u tal-kitba jistgħu jibbenefikaw aktar minn interazzjoni fiżika mal-kotba, minn eżerċizzji ta’ kitba bl-idejn u minn qari mingħajr interruzzjonijiet. Xi studji juru li numru kbir ta’ studenti jaħdmu aħjar meta jaqraw minn fuq il-karta milli minn fuq skrin.
Il-problema mhux biss l-iskrin innifsu iżda wkoll l-ambjent li joħloq.
Id-‘devices’ diġitali spiss joħolqu diversi distrazzjonijiet: notifiki, applikazzjonijiet differenti jew it-tentazzjoni li wieħed jaqleb bejn kompiti differenti (u dan isir l-aktar f’etajiet akbar).
Jiġifieri, skont dak li jitfisser fil-ktieb ‘Ikigai’ (Héctor García u Francesc Miralles) huwa diffiċli ferm biex wieħed jikseb il-‘flow’ u jsib ruħu f’burdata ta’ konċentrazzjoni assoluta meta jkun kontinwament asseddjat minn apps jinterraġġixxu flimkien.

It-teknoloġija trid isservi lill-edukazzjoni
Studji dwar l-imġiba tal-istudenti juru li dawn id-distrazzjonijiet jistgħu jnaqqsu l-konċentrazzjoni u jaffettwaw il-prestazzjoni akkademika.
Għalhekk, ħafna esperti fl-edukazzjoni jargumentaw li t-teknoloġija għandha tappoġġja t-tagħlim, mhux tissostitwih. Din hija differenza kruċjali, u li qegħdin kontinwament ninsewha. Il-kitba bl-idejn, pereżempju, hija rikonoxxuta bħala proċess importanti għall-iżvilupp konjittiv. Din tinvolvi ħiliet ta’ ‘motorskills’ u tal-memorja b’mod li l-kitba fuq ‘keyboard’ jew ‘touchscreen’ mhux dejjem tirreplika. Bl-istess mod, il-qari ta’ kotba fiżiċi jista’ jħeġġeġ attenzjoni aktar fit-tul u fehim aktar profond tal-kontenut.
F’xi pajjiżi Ewropej diġà qed naraw riflessjoni mill-ġdid dwar kemm għandha tkun estensiva d-diġitalizzazzjoni fl-edukazzjoni. F’ċerti universitajiet saħansitra reġgħu introduċew aktar enfasi fuq il-kitba bl-idejn waqt il-lezzjonijiet biex jitnaqqsu d-distrazzjonijiet tal-iskrins u titjieb il-konċentrazzjoni tal-istudenti. Dawn l-iżviluppi juru li anke f’sistemi edukattivi teknoloġikament avvanzati qed tinħass il-ħtieġa ta’ bilanċ.
F’Malta, dan il-bilanċ huwa partikolarment importanti. Pajjiż żgħir b’riżorsi limitati ma jistax jaffordja li jimplimenta riformi kbar mingħajr pjanar bir-reqqa. Qabel ma nimxu lejn klassijiet kompletament diġitali, huwa essenzjali li jiġu indirizzati diversi kwistjonijiet fundamentali: infrastruttura affidabbli, taħriġ adegwat għall-għalliema u strateġija pedagoġika ċara.
Nazzarda ngħid, li Malta ma għandha ebda minn dawn.
L-ewwel nett, l-infrastruttura trid tiġi qabel l-espansjoni diġitali. L-iskejjel jeħtieġu konnessjonijiet tal-internet stabbli, tagħmir miżmum sew u appoġġ tekniku adegwat. Mingħajr dawn, l-għodod diġitali jistgħu faċilment ifixklu l-lezzjonijiet minflok itejbuhom.
It-tieni nett, l-għalliema jridu jkunu mgħammra bit-taħriġ meħtieġ u appoġġjati kontinwament biex jagħmlu l-aħjar użu teknoloġiku. It-teknoloġija tkun effettiva biss meta l-edukaturi jkunu jafu kif jintegrawha b’mod sinifikanti fil-metodi tat-tagħlim tagħhom. Li sempliċement tissostitwixxi ktieb b’tablet mhux bilfors ittejjeb ir-riżultati tal-istudenti, u f’ħafna każijiet, dan huwa li qiegħed isir f’Malta.
Fl-istess ħin, il-metodi tradizzjonali tat-tagħlim għandhom jibqgħu fil-qalba tal-edukazzjoni, speċjalment fl-etajiet bikrin. Il-qari ta’ kotba fiżiċi, il-kitba bl-idejn u l-attivitajiet kreattivi huma essenzjali għall-iżvilupp intellettwali tat-tfal. Dawn il-ħiliet jiffurmaw il-pedament li fuqu aktar tard jistgħu jinbnew il-ħiliet diġitali.
Hawnhekk jidħol ukoll il-punt li ilni nitkellem dwaru ħafna u li jolqot lil ħafna ġenituri u edukaturi: l-innovazzjoni m’għandhiex issir għad-detriment tal-affarijiet bażiċi. Il-kultura tal-qari, l-immaġinazzjoni u l-ħsieb kreattiv jitrawmu permezz ta’ impenn profond mat-test, tad-diskussjoni u tar-riflessjoni, mhux biss permezz ta’ interazzjoni diġitali.
Il-futur tal-edukazzjoni f’Malta m’għandux jiġi preżentat bħala għażla bejn tradizzjoni u teknoloġija. L-aktar triq għaqlija hija mudell hybrid li jgħaqqad il-vantaġġi taż-żewġ sistemi flimkien. L-għodod diġitali jistgħu jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni, jagħtu aċċess għal informazzjoni vasta u jappoġġjaw it-tagħlim. Madankollu, il-prattiċi tradizzjonali jibqgħu essenzjali biex jiżviluppaw il-konċentrazzjoni, il-litteriżmu u l-kreattività.
Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan għandu jkun wieħed ċar: it-teknoloġija trid isservi lill-edukazzjoni u mhux bil-maqlub. Is-sistema edukattiva Maltija tista’ tibbenefika l-aktar minn integrazzjoni maħsuba sew aktar milli minn trasformazzjoni mgħaġġla. Għalhekk irridu ngħaqqdu l-innovazzjoni ma’ pedamenti edukattivi b’saħħithom.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 11 ta’ Marzu, 2026.