Raġel ta’ 33 sena jingħata libertà kundizzjonata, kif ukoll ordni ta’ trażżin għal żmien sena.
L-akkużat deher quddiem il-qorti nhar l-Erbgħa, fejn ġie akkużat li rreaġixxi b’ċertu mod li seta’ jammonta għal fastidju, jew inkella ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu bejn Settembru 2025 u Marzu 2026.
Fid-9 ta’ Marzu li għadda, l-eks sieħba tal-akkużat irrapurtat każ ta’ vjolenza domestika, fejn allegat li hu ta fastidju permezz ta’ messaġġi li ntbagħtu. Ir-relazzjoni temmet madwar erba’ snin ilu, fejn huma għandhom wild flimkien.
Il-konversazzjonijiet bejniethom kienu jsiru primarjament fuq il-wild, però kienu jintbagħtu ċertu messaġġi min-naħa tal-akkużat li kienu jikkonċernaw il-ħajja privata tal-vittma, fejn hu ma setax jaċċetta l-fatt li r-relazzjoni temmet.
L-arrest ma ġiex ikkontestat min-naħa tad-diviża.
Ir-rapport ta’ riskju fil-konfront tal-vittma kien ta’ periklu sever, fejn id-diviża stqarret li ma jistax ikun ir-riskju ħareġ hekk, meta l-każ kien jikkonċerna messaġġi biss.
L-akkużat ikkonferma l-ammissjoni tiegħu u stqarr li huwa ħati.
Il-prosekuzzjoni stqarret li ma kien hemm l-ebda forma ta’ theddid fil-messaġġi, pero li l-kuntatt bejniethom isir biss dwar uliedhom.
Għalhekk, il-qorti, filwaqt li qieset il-fedina penali tal-akkużat kif ukoll in-natura tal-akkuża, tatu libertà kundizzjonata kif ukoll ordni ta’ trażżin għal żmien sena minn meta ssejħet il-kawża.
Il-qorti wissiet l-imputat fuq il-konsegwenzi jekk iwettaq reat ieħor fiż-żmien operattiv, kif ukoll ordnat li l-ismijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-każ ma jixxandrux fuq il-medja.
Il-Maġistrat Leonard Caruana ippreseda fuq is-seduta.
L-Ispettur Sherona Buhagiar mexxiet il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukata Rachel Tua rrappreżentat l-akkużat.
//= $special ?>

