Lokali Qorti

Raġel ta’ 42 sena akkużat b’serq aggravat fi Ġnien ta’ Spinola

Maher Kamal Mohamed tressaq quddiem il-qorti nhar l-Erbgħa li allegatament ikkommetta serq aggravat bil-valur u ħin, minħabba li sar fil-ħinijiet ta’ billejl u li l-ammont tal-oġġetti ma kienx iżjed minn €2,329.37.

L-imputat reġa’ ġie arrestat wara li allegatament seraq basket b’numru ta’ oġġetti kif ukoll €560 fi flus kontanti.

Ir-rapport daħal fit-31 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra, bejn nofsilejl u s-sagħtejn ta’ filgħodu fl-inħawi ta’ San Ġiljan, allegatament insteraq basket b’numru ta’ oġġetti, inkluż passaporti, karti tal-banek u airpods, kif ukoll €560 fi flus kontanti.

Dakinhar stess identifikaw l-akkużat u ġie arrestat u rrilixxat fuq pleġġ, iżda dan ma rrapurtax għall-appuntament mogħti għalih mill-pulizija. L-imputat kien qed jirrisjedi ġewwa il-Faċilità ta’ Kordin fuq arrest preventiv ieħor, fejn ġie arrestat minn ġewwa l-ħabs stess nhar it-Tlieta.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, fejn talbiet għall-ħelsien mill-arrest ma sarux.

Il-Maġistrat Leonard Caruana ppreseda fuq is-seduta.

Il-prosekuzzjoni ġiet immexxija mill-Ispettur Kelsey Bugeja, flimkien mal-avukati Nicholas de Gaetano u Clive Aquilina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-imputat ġie assistit mill-avukat Axl Mallia bħala għajnuna legali.