Lokali

Robert Abela jkun kredibbli li għalih Malta l-ewwel meta l-Labour iħallas il-multi tal-Qorti minn butu mhux mit-taxxi tal-poplu – PN

ll-Qorti tikkonferma sentenza li tiżgombra lill-Partit Laburista minn proprjetà privata f’Santa Venera li kkapparra għal 40 sena sħaħ bħala każin Laburista

Jekk verament irid ikun kredibbli li għalih Malta tiġi l-ewwel, Robert Abela għandu jara li l-multi li l-Qorti ordnat li l-Istat għandu jħallas biex jagħmel tajjeb għall-ikkapparrar ta’ proprjetajiet biex jintużaw bħala każini tal-Labour jitħallsu mill-Partit Laburista u mhux mit-taxxi tal-ħaddiem Malti.

Il-Qorti għadha kemm ikkonfermat sentenza li tat aktar minn tliet snin ilu fejn sabet li l-Partit Laburtista kien kiser id-drittijiet tas-sidien ta’ proprjetà fi triq prinċipali f’Santa Venera meta kkapparraha għal aktar minn 40 sena. Tul dawn is-snin kollha l-Partit Laburista kien qed iħallas €382 fis-sena.

Sentejn ilu l-Partit Laburista kien ordnat jiżgombra din il-proprjetà, imma appella minn din is-sentenza biex jibqa’ juża din il-proprjetà qisha tiegħu.

Illum il-Qorti kkonfermat is-sentenza oriġinali u ordnat lil-Labour joħroġ fi żmien 40 ġurnata.

Din hi biss waħda minn sensiela ta’ inġustizzji li soffrew għadd ta’ familji u ċittadini privati meta tteħditilhom proprjetà tagħhom biex tintuża bħala każin Laburista fosthom f’Birżebbuġa, Tal-Pietà, Ħal Lija, iż-Żurrieq, Ħal Qormi u Raħal Ġdid.

Issa s-sidien ta’ dawn il-proprjetajiet qed ikollhom jidħlu għal kawżi twal biex forsi jieħdu lura dak li hu tagħhom bil-liġi.

Dawn is-sidien batew inġustizzji kbar għal għexieren ta’ snin meta l-Labour iddeċieda li jeħdilhom dak li hu tagħhom u jikkapparrah għal aktar minn 40 sena. Issa se jkun il-poplu Malti li se jbati inġustizzja oħra meta se jkollu jħallas minn butu l-multi li tat il-Qorti talli l-Labour ħataf proprjetajiet tan-nies u għamilhom każini tiegħu.

Jekk irid ikun kredibbli u jitwemmen li dan hu gvern li jemmen fil-ġustizzja u fil-ġid nazzjonali, Robert Abela għandu minnufih jordna lill-Partit Laburista jħallas għall-inġustizzji li wettaq, u mhux jitfa’ l-piż ta’ dawn il-multi, li issa telgħu għal aktar minn €1.6 miljun fuq il-familji Maltin.

Jekk irid jitwemmen li din tiegħu mhix sempliċi retorika, Robert Abela must walk the talk.