Lokali

Sorsi mid-Depot jindikaw li l-Isqalli mistenni jitressaq il-Qorti għada

It-tifel ta’ Salvatore Di Prima għadu f’kundizzjoni kritika wara l-aggressjoni li sofra nhar is-Sibt bil-lejl.

Il-każ ħasad pajjiż sħiħ, bit-tifel isofri feriti serji f’rasu minħabba li Salvatore Di Prima waddablu xi ġebel lejh.

Kienet oħt it-tifel, bint l-Isqalli, li rrappurtat lill-missierha li kien qed iwettaq din l-aggressjoni fl-inħawi tal-White Rocks.

L-Isqalli ġie arrestat it-Tlieta, għall-ħabta tas-7pm. U jidher li għadu qed jiġi interrogat fid-Depot.

Sa issa, mhux ċar meta se jitressaq il-Qorti.

Ir-raġel instab mill-Pulizija wara erbat ijiem ta’ tfittxijiet intensivi fiz-zona ta’ Baħar iċ-Ċaghaq.

U l-arrest kien possibbli grazzi għall-assistenza tal-Protezzjoni Ċivili u l-Forzi Armati ta’ Malta… fejn intużaw anke drones.

Intant, fl-aħħar sigħat, aktar sorsi komplew jagħmlu kuntatt ma’ Net News b’informazzjoni dwar dan l-Isqalli – persuna li kien magħruf sew, għaliex kien iwassal lill-Maltin għal vaganzi fi Sqallija bħala xufier. Dan apparti li ħafna jafuh tramite t-tfal, inkluż mill-futbol fejn kien imur ibnu.

L-istess sorsi qalulna li mhux xi sigriet li Di Prima kellu problemi ma’ martu. Tant li t-tnejn li huma kienu rrappurtaw lil xulxin minħabba harresment – imma qatt ma kien hemm rapporti dwar vjolenza domestika.

Minkejja dawn il-problemi, li ħafna koppji jgħaddu minnhom… il-Maltin li kellmuna qalulna li qatt ma bassru li Salvatore kien se jasal s’hawn. Cioè, li jattakka lit-tfal tiegħu stess.

Il-Pulizija kienu sabu wkoll messaġġi suwiċidali fuq it-telefown ċellulari tiegħu, li l-informazzjoni minnu għadha qed tkun analizzata.