Lokali Qorti

Multa ta’ €700 għal żagħżugħ li nqabad b’ammont ta’ Kannabis u rema skart fir-residenza tal-Università

Żagħżugħ ta’ 24 sena, Nathan Dimech, ġie mmultat €700 wara li nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu sustanza kannabis u li rema skart fir-residenza tal-Università ta’ Malta f’Ħal Lija. Is-sentenza ngħatat mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo fil-Qorti tal-Maġistrati.

Il-każ imur lura għas-16 ta’ Ġunju 2021 meta għall-ħabta tat-3:05pm il-pulizija rċevew rapport mingħand ħaddiem tar-residenza universitarja li żewġ żgħażagħ kienu qed jarmu skart fil-proprjetà. Il-pulizija marru minnufih fuq il-post u raw liż-żewġ żgħażagħ jaħarbu, iżda wara ġrew warajhom u qabduhom. Irriżulta li dawn kienu Dimech u żagħżugħ ieħor.

Meta l-pulizija spezzjonaw il-post sabu bajd mifqugħ u borża tal-iskart fuq karozza. Minn tfittxija li saret fuq Dimech instabet sustanza suspettuża flimkien ma’ grinder u crusher, filwaqt li tfittxija fid-dar tiegħu wasslet biex jinstabu aktar biċċiet ta’ sustanza suspettuża, ashtray u loqom tas-sigaretti.

Fl-istqarrija tiegħu lill-pulizija, Dimech ammetta li daħal fir-residenza mingħajr permess flimkien ma’ sħabu u li qabad borża tal-iskart u ferrex il-kontenut tagħha fil-parkeġġ wara li qam argument ma’ impjegati tal-università. Huwa qal ukoll li wara rema’ bajd mal-faċċata tal-binja.

Rigward id-droga, Dimech ammetta li kienet tiegħu u spjega li juża l-kannabis kemm b’mod rikreattiv kif ukoll biex jikkontrolla s-sintomi tal-kundizzjoni tiegħu ta’ ADHD u ansjetà. Tabib li xehed fil-kawża kkonferma li Dimech ibati minn dawn il-kundizzjonijiet u li kien juża l-kannabis biex jikkontrolla s-sintomi, filwaqt li kien sar tentattiv biex jinkiseb permess għal użu mediċinali.

Il-Qorti nnutat li fil-pussess tal-imputat kien hemm total ta’ madwar 71.8 gramma kannabis, iżda minkejja dan ma kienx akkużat b’pussess aggravat. Madankollu, il-Qorti qalet li ma tressqux provi li juru li kellu permess legali għall-użu mediċinali.

Wara li kkunsidrat il-provi kollha, il-Qorti sabet lil Dimech ħati taż-żewġ akkużi u kkundannatu għal multa ta’ €700, li tista’ titħallas f’rati ta’ €100 fix-xahar. Il-Qorti ordnat ukoll li jekk jonqos milli jħallas xi pagament, il-bilanċ kollu jsir dovut immedjatament u jista’ jiġi konvertit f’priġunerija skont il-liġi.

Għal Dimech deher l-Avukat David Gatt.