L-entużjażmu tagħkom iqawwilna l-ħeġġa sabiex inkomplu naħdmu u nixprunaw aktar ispirazzjoni fost iż-żgħażagħ – li mhumiex biss il-mexxejja ta’ għada iżda l-protagonisti tal-lum.
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg hekk kif laqa’ fl-uffiċju tiegħu ż-żgħażagħ li attendew għal kors tal-Future Leaders organizzat mill-Fondazzjoni AŻAD, u li ntemm f’dawn il-jiem.
Kien għalhekk illi issa, wara li temmew il-kors, il-parteċipanti ngħataw tour mal-binja ta’ Net Media fejn raw kif issir il-ħidma tal-istazzjon aktar mill-viċin, u kif tinħadem storja tal-aħbarijiet għat-televiżjoni, ir-radju, il-gazzetta kif ukoll online. Dan wara li l-Ħadd ġie fi tmiemu l-porogramm ta’ formazzjoni Future Leaders, b’sessjonijiet li komplew jgħinu fit-tiswir politiku taż-żgħażagħ li qed pparteċipaw mal-Fondazzjoni AŻAD.
Liema sessjonijiet kienu wkoll maqsuma fuq bosta suggetti u modules varji – minn sessjonijiet fuq tmexxija, għall-mod kif tagħmel kampanja elettorali.
Dawn il-programmi ta’ formazzjoni, apparti li jkabbru l-karattru ta’ dawk li jipparteċipaw – jagħtu wkoll iċ-ċavetta meħtiega li tiftaħ beraħ il-bibien tal-ħajja politika.
Dawn is-sessjonijiet kienu appoġjati milI-Fondazzjoni Konrad Adenauer; imsemmija għall-ewwel Prim Ministru tal-Ġermanja wara t-Tieni Gwerra Dinjija – fondazzjoni politika ewlenija li tippromwovi d-demokrazija, is-saltna tad-dritt u l-parteċipazzjoni ċivika madwar id-dinja.
Intant, għaż-żjara fid-Dar Ċentrali kien hemm preżenti s-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, il-Kap Eżekuttiv tal-AŻAD Roderick Agius, u t-tmexxija ta’ Net Media.





