Sliema kisbu rebħa importanti kontra San Ġiljan bl-iskor finali ta’ 16-15, f’dik li kienet logħba missielta sal-aħħar f’partita valida mill-Grupp Top Eight tal-European Aquatics Challenger Cup, f’Istanbul, it-Turkija.
B’rebħa b’differenza ta’ gowl wieħed, tnejn mill-aqwa timijiet Maltin tal-waterpolo lokali ta’ bilħaqq taw spettaklu kbir, hekk kif b’din ir-rebħa, is-Slimiżi għamli pass kbir lejn is-semi-finali ta’ din il-kompetizzjoni Ewropea. Tul il-partita, il-vantaġġ inbidel kemm il-darba, iżda finalment, kienu Sliema li ħarġu bl-unuri biex kisbu dak li riedu, rebħa li ssaħħaħ it-tamiet tagħhom li jkomplu javvanzaw f’din il-kompetizzjoni.
Liam Galea u Niccolò Gitto kienu l-aqwa skorers ta’ Sliema b’hat-trick kull wieħed, filwaqt li Jake Cachia u Dino Zammit skorjaw darbtejn kull wieħed. Sliema fetħu b’saħħithom u ħadu vantaġġ ta’ 4-1, iżda San Ġiljan reġgħu resqu viċin qabel tmiem l-ewwel sessjoni. Il-logħba kompliet tkun bilanċjata, b’San Ġiljan jieħdu l-vantaġġ għal skor parzjali ta’ 8-7 fit-tieni sessjoni, iżda Sliema reġgħu urew reżiljenza kbira meta dawwru l-vantaġġ favur tagħhom b’gowls ta’ Galea, Cachia u Gitto.
Fl-aħħar sessjoni, minkejja diversi tkeċċijiet li kellhom il-blues, Sliema żammew il-kontroll tal-logħba taħt idejhom u Aleksandar Ivovic skorja l-gowl deċiżiv biex ta rebħa ta’ 16-15 lil Sliema.
Wara din ir-rebħa, fl-ewwel logħba minn dan l-istadju Top 8, Sliema għandhom bżonn jirbħu kontra Heybeliada jew Galatasaray biex jassiguraw post fis-semi-finali, filwaqt li San Ġiljan iridu jirbħu ż-żewġ partiti li jmisshom jilghabu biex jibqgħu b’ċans li jagħmluha għal mal-aħħar erbgħa.
//= $special ?>

