Qorti

Wara l-aggressjoni fuq uliedu, jgħid lil omm it-tfal li “it-tifel qiegħed fis-sema'”

Wara li wettaq l-aggressjoni fuq it-tfal tiegħu, ċempel lil martu, omm it-tfal u qallha “it-tifla ħudha, it-tifel qiegħed fis-sema'”.

Dawn huma d-dettalji xokkanti li ħarġu mill-Qorti meta Sqalli ta’ 49 sena tressaq il-Qorti u qed ikun akkużat li pprova joqtol liż-żewġ uliedu, tifla ta’ 10 snin u tifel ta’ 12-il sena.

Fix-xhieda li qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo, f’Awla 12, l-imputat daħal viżibilment emozzjonat, fejn preżenti kienet anke l-mara tiegħu – li hu attwalment għaddej minn proċeduri ta’ separazzjoni minn magħha. Flimkien mal-akkużat, kienet interpretu dan għaliex ir-raġel huwa Taljan.

Il-mara, kienet assistita mis-Support Response Team, iżda kellha toħroġ mill-awla.

Fix-xhieda ħareġ li s-Sibt 7 ta’ Marzu, tifla ta’ 10 snin flimkien ma’ mara marru l-għassa ta’ San Ġiljan, wara li nstabet fi Triq il-Korsa.

It-tifla allegat li missierha qatel lil ħuha u pprova jifga lilha. U l-Pulizija marret sabiex tagħmel tfittxija estensiva fil-White Rocks fejn instab it-tifel li kien mitluf minn sensieh u li kien fil-periklu li jitlef ħajtu.

L-omm ġiet infurmata u kienet fil-post, u rriżulta li kienet għadha kif tirċievi telefonata sakemm kienet mal-Pulizija li qallha “it-tifla ħudha miegħek, it-tifel qiegħed fis-sema'”.

Il-flat mate tal-imputat, ċempel lill-Pulizija, wara li rċieva telefonata mingħand l-akkużat, fejn qallu li l-flus li għandu fil-flat għandu jużahom għall-funeral tiegħu. Indikazzjoni li kien ta’ periklu għalih innifsu.

Mil-lokalizazzjoni tal-mobile, wera li l-imputat fil-ħin wara l-allegat aggressjoni kien fil-limiti ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. Filwaqt li nstab ukoll il-vann tal-akkużat u ħabel imdendel b’tali mod li jagħti x’jifhem li persuna tista’ twettaq suwiċidju.

Wara 4 ijiem, ir-raġel instab fl-10 ta’ Marzu, meta ġie avviċinat minn Pulizija, hekk kif l-imputat ikkonferma li kien propju hu. Huwa nżamm taħt arrest iżda ttieħed, l-Isptar Mater Dei għall-osservazzjoni matul il-lejl.

Fl-interogazzjoni tiegħu, l-imputat ddikjara li huwa jrid jikkopera u li għaldaqstant ma jridx avukat jiddefendih. Il-Pulizija spjegat li l-imputat spjega li f’dawk il-jiem li għamel maħrub, huwa kien f’caravan abbandunat, u li hemm ħalla nota.

Il-Pulizija marru fil-post u sabu din in-nota, li kienet tgħid li kellu familja kuntenta iżda mbagħad issepara minn ma-mara tiegħu. Fejn spjega x’kien għamel lil ibnu. L-imputat talab li jkellem l-Avukati u anke lil ħuħ.

Fil-lock-up huwa ta l-verżjoni tiegħu u anke wieġeb għall-mistoqsijiet kollha. Fejn anke spjega kif spiċċaw feruti uliedu.

Minn naħa tagħha d-difiża spjegat illi l-imputat pprova jikkometti suwiċidju darbtejn, iżda spjega li ma rnexxielux l-ewwel darba. Mbagħad, ipprova jaqbeż fuq il-blat, bil-konsegwenza li kiser numru ta’ kustilji iżda mhux serji, filwaqt li għandu wkoll grif u tbengil estensiv.

Meta mistoqsija, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-missier kellu relazzjoni tajba ħafna ma’ uliedu.

Fil-Qorti kien spjegat, li huwa għaddej minn proċeduri ta’ separazzjoni mal-mara, u li jaħdem hawn Malta u li għalhekk kien qed joqgħod ma’ ħabib tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ

Il-Maġistrat ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-omm u l-ulied.

Il-Parte Civile talbet sabiex il-kumplament tal-kawża ssir fil-magħluq minħabba s-sensittività tal-każ, la d-difiża u lanqas il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonat għal din it-talba.

Il-Qorti kkunsidrat in-natura tal-akkużi u għalhekk ma tilaqx din it-talba. Iżda, it-talba se tkun ikkunsidrata aħjar meta jibdew jinstemgħu l-provi.

Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest, u għalhekk inżamm arrestat.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kaylie Bonnett u Etienne Savona.

Id-difiża qed titmexxa mill-Avukat Gianella de marco, Charles Mercieca u Conrad Borg Manche.

ID-DETTALJI TAL-KAŻ

Sqalli tressaq il-Qorti wara li allegatament pprova joqtol liż-żewġ uliedu, tifel ta’ 12-il sena u tifla ta’ 10 snin f’Baħar iċ-Ċagħaq nhar is-Sibt 7 ta’ Marzu.

Fil-fatt, kien tard is-Sibt filgħaxija, meta l-Pulizija rċivew rapporti ta’ attentat ta’ qtil f’Baħar iċ-Ċagħaq, fejn huma ssejjħu minnufieh. Madanakollu, sabu tifel ta’ 12-il sena ferut gravi, u li aktar tard jirriżulta li kellu l-iskutella ta’ rasu miksura.

It-tifla, ta’ 10 snin, kellha feriti ma’ għonqha.

Sorsi li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet spjegaw li saru żewġ rapporti dwar harassment bejn ir-raġel u l-mara tiegħu u cioe omm it-tfal li weġġgħu. Iżda ma kienx hemm rapporti ta’ vjolenza domestika.

Sorsi spjegaw ukoll li l-ġenituri ma kienux għadhom f’relazzjoni fil-ħin tal-allegat attentat ta’ qtil.

Attwalment, NetNews jinsab f’Awla 12 quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo li se tkun qed tippresjedi din il-preżentata. Iżda l-imputat għadu mhux fl-Awla.

Aktar dettalji malli jibda jinstema’ l-każ.